F’Intervista li ta l-Kap tal-Oppożizzjoni llum, Simon Busuttil qed jirrifjuta li jippublika l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista biex skontu ma jippreġudikax l-interessi kummerċjali tal-Partit tiegħu, iżda fl-istess ħin li qed jgħid hekk, irid li jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-Enemalta u tal-pajjiż.
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tad-delegati fil-ftuħ tal-Konferenza Ġenerali 201, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun.
Il-Prim Ministru saħaq li dan il-Gvern diġà ppubblika ħafna iktar minn kemm kien jippublika l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, mhux l-inqas fuq il-ftehim iffirmat bejn Shangai Electric Power u l-Enemalta u għalhekk wieħed irid jistaqsi dwar id-double standards tal-Kap tal-Oppożizzoni. Joseph Muscat semma wkoll il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti li daħlet fis-seħħ wara li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għamel 25 sena jkaxxkar saqajh dwarha u fakkar kif il-Partit Laburista kull sena jippublika l-finanzi tiegħu u dan anke minn qabel ma daħlet fis-seħħ l-istess liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.