Ir-rebħa tal-iżgħar Prim Ministru Grieg tista' titfa' liż-żona Ewro fi kriżi
Alexis Tsipras ta' 40 kaxkar l-elezzjonijiet Griegi b'wegħda li ried jagħti d-dinjità lura lil Griegi
minn John Busuttil


Kien hemm ċelebrazzjonijiet kbar f'Ateni dal-lejl wara r-rebħa kbira li rebħu s-Soċjalisti tal-partit Syriza. Partitarji tal-anti-awsterità ċċelebraw lejl sħiħ fost kant u żfin wara li kienu ġew magħduda 97% tal-voti mitfugħa fejn Syriza kienu diġà rebħu 149 siġġu Parlamentari mill-151 li għandhom bżonn biex jiggvernaw weħidhom mingħajr għajnuna ta' xi partit ieħor, anke jekk hemm min irid jingħaqad magħhom u wegħedhom lealtà diġà.

Il-Prim Ministru tellief, il-konservattiv Antonis Samaras ċempel lil Alexis Tsipras ta' 40 sena li mistenni jieħu l-ġurament tal-iżgħar prim ministru li qatt kellha l-Greċja f'dawn l-aħħar 150 sena. Samaras aċċetta t-telfa tal-partit tiegħu fejn irnexxielu jiġbor biss 28% tal-voti kontra s-36% ta' Syriza.

Tsipras kellem lil folla enormi u qalilhom, "Il-prijorità tagħna hi li niksbu lura d-dinjità tal-Greċja. Irridu nirbħu lura t-tama, it-tbissima, l-ottimiżmu u d-dinjità għan-nies tagħna."

Sadattant il-Euro diġà ħa daqqa 'l isfel fejn qiegħed fl-aktar rata baxxa minn dawn l-aħħar 11-il sena wara r-riżultat, filwaqt li l-partit Nazista rebaħ it-tielet l-akbar partit fil-Greċja.

Intant il-Partit Popolari Ewropew jidher li kien ferm diżappuntat b'dan ir-riżultat. Fi stqarrija li ntbagħtet lill-istampa, Manfred Weber, Membru Ewroparlamentari u ċermen tal-EPP qal "Huwa tassew diżappuntanti li naraw li l-mogħdija korretta u onesta magħżula minn Antonis Samaras għall-Greċja ma kinitx rikonoxxuta. Il-mogħdija ta' riforma kienet diġà qed taħsad il-frott u għandha titkompla. Dalwaqt se nintebħu li l-wegħdiet mogħtija minn Tsipras ta' Syriza huma biss gidbiet elettorali u wegħdiet fierħa." Weber żied li "L-Ewropej mhux se jkunu lest biex iħallsu għall-wegħdiet fierħa. L-Ewropa se turi appoġġ u solidarjetà lill-Greċja jekk l-impenji mittieħda jiġu rispettati."

