Il-Kunsilliera kellhom dritt jagħmlu dikjarazzjonijiet kontra l-kaċċa

Il-bord tal-governanza lokali ma jsibx lil kunsilliera ta' Ħ'Attard ħatja fil-każ li urew fehemthom kontra l-kaċċa

Il-Bord ta’ Governanza Lokali mmexxi miċ-ċerman l-Avukat Joe Mifsud ra l-ilment tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti dwar l-allegat ksur ta’ etika minn Kunsilliera fil-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard rigward kummenti li għamlu dwar l-opinjoni tagħhom rigward ir-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegha li ssejjaħ dan l-aħħar.

Il-Bord iddiskuta dwar jekk Kunsilliera Lokali jkunux qed jiksru l-etika meta jesprimu ruħhom dwar dan is-suġġett f’paġni ta’ siti soċjali tal-Kunsill li huma parti minnhom.

Il-Bord ta’ Governanza Lokali hu tal-fehma li l-Kunsilliera għandhom dmir u dritt li jagħmlu dikjarazzjonijiet u li juru l-fehma tagħhom rigward dak li jkun għaddej fil-pajjiż. Għaldaqstant il-Bord iddeċieda li m'hemm l-ebda ksur ta’ etika meta Kunsillier jesprimi ruħu, anzi l-pubbiku li jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu għandhom interess li jkunu jafu kif ir-rappreżentanti tagħhom jaħsbuha fuq temi ta’ interess pubbliku.

Il-Bord ħa pożizzjoni simili fis-26 ta’ Ottubru 2014 f’każ li jitratta l-Kunsill ta’ Ħal Lija, meta kuntrattur ilmenta li Kunsillier ippubblika fuq sit soċjali l-mozzjoni dwar is-servizz li kien qed jagħti lill-Kunsill Lokali.

Kopja ta' din id-deċiżjoni, apparti lill-partijiet involuti qiegħda tintbagħat lid-Direttur tal-Gvern Lokali, lis-Segretarju Parlamentari Onor Stefan Bountempo, lill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Onor David Agius, il-Konsulent Michael Cohen, lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill ta’ Ħ’Attard u kif ukoll lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti.

More in Politika