L-Oppożizzjoni qed titlob dibattitu mal-Gvern fuq il-prezz tad-diesel u l-petrol

L-Oppożizzjoni ppreżentat mozzjoni fil-Parlament li ssejjaħ għal dibattitu biex il-Gvern iraħħas minnufih il-prezzijiet tad-diesel u tal-petrol

Aktar kmieni llum, permezz tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco u x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, l-Oppożizzjoni ppreżentat mozzjoni fil-Parlament li ssejjaħ għal dibattitu biex il-Gvern iraħħas minnufih il-prezzijiet tad-diesel u tal-petrol.

F’kummenti mal-ġurnalisti, Mario de Marco sostna li l-Oppożizzjoni qed issejjaħ għal dan id-dibattitu wara li l-Gvern Malti, minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’aktar min-nofs, il-prezzijiet tad-diesel u l-petrol baqgħu fl-istess ilma. Hu appella biex il-mozzjoni tiġi dibattitu mill-aktar fis possibli.

Minn naħa tagħha, Marthese Portelli insistiet li bħalissa, l-konsumatur Malti qed iħallas l-istess prezz li kien iħallas fl-2011 meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien id-doppju ta’ dak li hu bħalissa. Hi fakkret li meta wieħed ineħħi t-taxxa, l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta huwa l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, waqt li meta tiżdied it-taxxa, xorta jibqa’ fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.

Preżenti kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius.

Kopja tal-mozzjoni qed tiġi annessa ma’ din l-istqarrija.

More in Politika