"Il-Maltin u l-Ewropej m'għandhomx iħallsu għad-deċiżjonijiet tal-Greċja"
"L-Ewropa se tappoġġja u tirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu Grieg biex jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom"
More in Politika
"L-Ewropa se tappoġġja u tirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu Grieg biex jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom"
L-ILLUM talbet kummenti lil żewġ MEPs Maltin, Roberta Metsola f'isem il-Partit Nazzjonalista u Miriam Dalli f'isem il-Partit Laburista dwar kif jaħsbu li r-riżultat tal-Greċja se jaffetwa l-isfera Ewropea u anke lil Greċja nfisha.
Metsola qalet li "L-Ewropa se tappoġġja u tirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu Grieg biex jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom. Il-Greċja semmgħet leħinha u għażlet lil Syriza biex tkun wieħed mill-ikbar partiti fil-Parlament il-ġdid tagħha. Il-mogħdija tar-riforma ma kinitx waħda faċli, imma tat il-frott fil-Greċja wara snin ta' nfiq żejjed u amministrazzjoni ħażina. Is-sagrifiċċju tan-nies tal-Greċja f'dawn l-aħħar snin m'għandux jinħela u hu importanti li l-Greċja ma treġġax l-arloġġ lura.
Matul il-kampanja elettorali, rajna numru ta' wegħdiet li saru minn Syriza li, forsi jaf ikunu, impossibli biex jiġu implimentati u b'hekk qed nistenna li l-Gvern, Alexis Tsipras u l-ministri tiegħu jnaqqsu ftit mir-retorika.
Metsola saħqet li "Ma jistax ikun li l-Maltin u l-Ewropej iħallsu għal dak li wiegħed Syriza."
Rigward il-ħruġ tal-Greċja miż-żona ewro Metsola ħasset li għadu bikri wisq biex wieħed jikkummenta u jieħu konklużjonijiet minn issa.
L-UE u l-Greċja għandhom iżommu fuq il-mogħdija ta' koperazzjoni sħiħa u stabbiltà fil-Greċja u l-kumpalament taż-żona ewro. L-istruttura ta' dan tiġi iktar ċara fil-jiem li ġejjin" temmet tgħid Metsola.
Mill-banda l-oħra Miriam Dalli tisħaq li Malta għandha tiġbor flusha lura mill-Greċja. Tgħid "Il-poplu fil-Grecja tkellem bl-aktar mod ċar u l-messaġġ politiku mill-elezzjonijiet tal-Greċja huwa li l-poplu jrid ġustizzja soċjali akbar u li jrid li tieqaf il-politika t’awsterità. Dan il-messaġġ irid jinqara sew mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi u anke mill-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej. Qed ngħid dan fid-dawl tal-pressjoni esterna li saret minn ċertu pajjiżi Ewropej kontra l-Partit Syriza. Naħseb li ħafna popli madwar l-Ewropa għandhom l-istess aspirazzjoni tal-poplu Grieg dik li jkollhom politika ta' tkabbir ekonomiku li tħares l-ewwel u qabel kollox lejn il-ħolqien tax-xogħol. Din hija l-politika li l-Partit Laburista ilu jsostni dwarha f’Malta u li aħna bħala Soċjalisti u Demokratiċi qed nitkellmu dwarha mill-Parlament Ewropew u li rridu naraw isseħħ biex verament jirnexxilna nbiddlu l-Ewropa. Dan kollu iżda ma jfissirx li nitraskuraw l-interessi tagħna bħala Maltin fejn irridu naraw ukoll li flus li sellifna lill-Greċja jingħataw lura."