F'indirizz lill-Parlament Ewropew, il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta Roberta Metsola enfasizzat il-bżonn li jiġi żgurat li nkunu pass 'il quddiem mill-kriminali u t-terroristi, filwaqt li nirrispettaw bis-sħiħ il-valuri li tant għandna għal qalbna fl-Ewropa.
"Aħna qed niffaċċjaw sfidi ta’ sigurtà li huma mingħajr preċedent - li qatt ma rajna bħalhom; it-tweġiba mhix, kif qalu xi wħud, li ningħalqu fina nfusna, li ngħalqu l-fruntieri tagħna jew insiru Stati-Polizjeski. Li għandna nagħmlu hu li nassiguraw li jkollna leġiżlazzjoni moderna li tirrispondi għal theddid ġdid. Fl-istess ħin għandna bżonn li jiġi żgurat li inċidenti bħal dawn ma jkunux in-nar fuq il-ħatab li jkabbru r-razziżmu u x-xenofobija."
Metsola rreferiet għall-attakk ta' nhar it-Tlieta fuq il-lukanda Corinthia fil-Libja "Kellna attakk terroristiku ieħor b’nies maqtula u oħrajn li spiċċaw vittmi innoċenti. Għandna sitwazzjoni li qed tbaqbaq u li rridu nindirizzawha. Jien li ġejja minn Malta inħoss aktar il-gravita’ ta’ dak li qed jiġri viċin pajjiżi." Żiedet tgħid ukoll li l-UE għandna tqis il-kwistjoni tal-Libja bħala waħda mill-prioritajiet fuq l-aġenda tagħha, qabel s-sitwazzjoni tmur għall-agħar.
Metsola tenniet li l-UE għandna bżonn iddaħhal Passenger Name Record System li tiżgura qsim ta’ informazzjoni aħjar u aktar malajr minflok is-sistema preżenti fejn qed ikollna 28 sistema sparpaljati f’pajjiżi differenti. “B’sistemi tajba ta’ sorveljanza din tista’ tkun għodda prezzjuża u biex iċ-ċittadini tagħna jkunu aktar siguri.”
Roberta Metsola temmet l-intervent tagħħa qalet li dan l-attakk terroristiku fil-Libja ma kienx iżolat u jsegwi l-attakki li saru fi Franza li kienu ħafna aktar minn attakki orribbli fuq individwi. “Dawn kienu attakki fuq il-valuri u l-libertajiet li l-Ewropa hi mibnija fuqhom. Hemm bżonn li nibqgħu sodi. Il-valuri tagħna ma jistgħu qatt jitnaqqru quddiem l-isfida tat-terrur."