L-elezzjonijiet fil-Greċja

Mil-lenti ta' student malti li jgħix hemmhekk: Karl Littlejohn

Karl Littlejohn
Karl Littlejohn

Is-sena 2015 fil-Greċja bdiet mall-ewwel b’ kampanja elettorali intensiva. Żgur mhux forsi li l-ġimgħa li għaddiet in-nies minn madwar l-Ewropa kellhom għajnejhom fuq l-elezzjonijiet Griegi.

Bidla

Bidla: Kelma li fil-kamp politiku elettorali nisimgħuha ta’ spiss u fil-Greċja mhux  b’inqas. Għaldaqstant mhux qed nirreferi għal bidla fil-gvern Grieg, iżda bidla fuq ambitu ieħor: il-klassi politika Griega. Għall-ewwel darba f’tant deċennji, ix-xena politika ma kinitix iddominata mill-partiti tad-Demokrazija l-ġdida (ND) u l-PASOK. Fl-aqwa żminijiet tagħhom dawn il-partiti kienu jġibu madwar 85% tal-voti bejnithom. Illum mod ieħor.  Fir-riżultat ta’ ġimgħa ilu l-PASOK kiseb biss 4.6% u eleġġa tlettax-il  siġġu. Ir-rebħa ta’ SYRIZA kienet sinifikanti. F’inqas minn seba’ snin Il-kriżi ekonomika Griega irnexxilha iddawwar il-klassi politika tal-pajjiż ta’ taħt fuq.

Ir-ritorn ta’ Papandreou.

Wara li Giorgos Papandreou, l-eks tal-mexxej tal-PASOK  kellu kunflitt intern fil-partit, iddeċieda li joħloq il-moviment tiegħu u kkontesta l-elezzjoni taħt il-kappa tal-‘Moviment Soċjal Demokratiku.’ F’ din il-kampanja elettorali Papandreou kien ippropona biex isir referendum dwar id-djun li għandha l-Greċja u l-kriżi ekonomika. Il-Moviment ta’ Papandreou kiseb 2.4% tal-voti u ma eleġġa l-ebda siġġu fil-parlament Grieg. Ta’ min wieħed jirrimarka li Giorgos Papandreou huwa iben l-eks Prim Ministru Grieg tas-snin tmenin, Andreas Papandreou. Dan tal-aħħar kellu relazzjonijiet tajba ħafna ma’ Malta f’dak iż-żmien minħabba li kien hemm punti komuni kif kellha tiġi mfassla l-politika tal-Mediterran.

Ftit jiem qabel l-elettorat Grieg mar jivvota, Antonis Samaras, il-mexxej tal-partit ND ħabbar li kien lest jifforma koalizzjoni ma’ partiti oħra li kellhom il-politika sabiex il-Greċja tibqa’ fiż-żona Ewro. Samaras kien saħansitra lest biex jaħdem f’ koalizzjoni mal-Moviment Soċjal Demokratiku ta’ Papandreou.

Ċelebritajiet li poġġew il-kandidatura tagħhom

F’din l-elezzjoni kkontestaw ukoll xi ċelbritajiet. Fuq il-lista tal-kandidati tal-partit tad-Demokrazija l-ġdida (ND) kien hemm il-mudella Noni Dounia, kif ukoll Angela Gerekou, li fil-passat kienet tikkontesta mal-PASOK u li wkoll kellha sessjoni fotografika partikolari.

Rachil Makri

Rachil Makri hi membru fil-parlament Grieg f’isem SYRIZA eletta minn Kozani. Xi jiem qabel intemmet il-kampanja elettorali, fuq dibattitu televiżiv fuq l-istazzjon ‘Flash’ li jixxandar mill-belt ta’ Kozani, il-belt fejn tikkontesta Makri,  qalet li l-Greċja tista’tipprintja l-flus hi minkejja li l-pajjiż qiegħed fiż-żona Ewro. Skont Makri din kienet waħda mis-soluzzjonijiet biex il-Greċja toħroġ mid-djun kbar li għandha. Il-kliem ta’ Makri ma niżilx tajjeb ma’ ħafna esponenti. Għaldaqstant hi kompliet tisħaq fuq il-punt tagħha  u qalet li din l-azzjoni tista’ tkun possibbli bil-mekkaniżmu tal-‘Emergency liquidity assistance’ (ELA). Fl-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet Rachil Makri reġgħet ġiet eletta u tifforma parti mill-gvern ta’ Tsipras.

Ir-riżultat u l-koalizzjoni SYRIZA- ANEL

Is-sondaġġi fil-Greċja kienu qed juru biċ-ċar li s-SYRIZA kienet se tkun l-ewwel partit wara l-elezzjoni. Għaldaqstant kienu ftit dawk li stennew li r-riżultat kien se jkun daqshekk qawwi. Skont artiklu 37 tal-kostituzzjoni Griega, il-President tar-Repubblika wara li jkun tħabbar ir-riżultat isejjaħ lil dak il-partit li jkun ġie l-ewwel biex jifforma gvern. Dan ikollu biss tlett ijiem ċans. Jekk dan ma jseħħx, jiġi msejjaħ it-tieni partit u dan ikollu wkoll tlett ijiem ċans. Din il-proċedura tibqa’ sejra sat-tielet partit.  Però għal partit tas- SYRIZA din ma kinitx diffiċli. SYRIZA kienet biss żewġ siġġijiet il-bogħod biex tikseb il-maġġoranza parlamentari. Fil-parlament Grieg issa hemm seba’ partiti, fosthom il-Partit Komunista (KKE) u l-partit taż-Żerniq Imdieheb (Golden Dawn).

Ftit siegħat wara li r-riżultat tħabbar, Alexis Tsipras kien diġa f’ taħdidiet mal-mexxej tal-Indipendenti Griegi (ANEL), Panos Kammenos. Il-Gvern issa huwa iffurmat mill-membri ta’ SYRIZA u ANEL. Fil-kabinett ta’ Tsipras hemm membri tal-ANEL li ngħataw ministeri importanti fosthom: il-mexxej tal-ANEL, Kammenos bħala l-ministru tad-difiża, kif ukoll il-kandidata tal-ANEL eletta minn Ateni, Elena Kountoura, bħala l-ministru tat-turiżmu. Il-koalizzjoni SYRIZA- ANEL qed titqies bħala waħda kontroversjali. Iż-żewġ partiti huma ta’ spettru ideoloġiku differenti. Madankollu huma kważi identiċi fil-politika tagħhom dwar it-TROIKA u ż-żona Ewro. L-ANEL huwa iktar iebes fuq kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni, u jassoċja ħafna l-identità Griega mal-Knisja Ortodossa.

Sfidi oħra

Hemm kwistjonijiet politiċi oħra li rari jissemmew fil-mezzi tax-xandir barra mill-Greċja. Dawn il-kwistjonijiet huma anke ta’ sfida għall-gvern il-ġdid ta’ Tsipras. L-ewwel kwistjoni  hi dwar l-isem tar-Repubblika tal-eks Jugoslavja tal-Maċedonja (FYROM). Oriġinarjament il-Maċedonja hi reġjun fil-Greċja li tinkludi l-belt pittoreska ta’ Tessalonika. Minkejja dan, ħafna ċittadini f’ FYROM jistqarru li huma Maċedoni. Il-Griegi jirreferu għal FYROM bħala Skopje, peressli din hi l-belt kapitali. Din hi diskussjoni kumplessa li tmiss is-suġġetti tal-istorja u l-identità.

It-tieni kwistjoni hi dwar ir-reġjun ta’ Traki fit-Tramuntana tal-Greċja. F’ dan ir-reġjun tgħix minorità ta’ Musulmani, u xi wħud iħossu affiljazzjoni mat-Turkija. Ta’ sikwit Tsipras jiġi kkritikat fuq dawn il-kwistjonijiet għax ma jarax l-interessi tal-Greċja u l-Griegi u jiġi mpinġi dgħajjef quddiem dawn l-isfidi li kapaċi jnaqqsu t-territorju tal-Greċja. Apparti din, mat-Turkija hemm kwistjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu dwar it-territorju marittimu fil-Baħar tal-Eġew.

Tama

Din mhux l-ewwel darba li l-Greċja kienet fi kriżi ta’ natura ekonomika jew politika. L-istorja tal-Greċja kontemporanja dejjem uriet li b’xi mod jew ieħor il-Griegi dejjem ħarġu minn xi kriżi. Dawn l-elezzjonijiet kienu importanti għax l-andament tar-riżultat żgur se jaffettwa l-iżvillupp tal-Unjoni Ewropea, speċjalment lil dawk il-pajjiżi taż-żona Ewro. L-isperanza ta’ ħafna hi li l-iżviluppi li se naraw fil-futur viċin ma jkomplux iħallu impatt negattiv fuq iċ-ċittadini Griegi u l-kumplament taċ-ċittadini Ewropej.  

More in Politika