Rapporti li qegħdin iduru fuq l-internet qegħdin jagħtu l-impressjoni li Malta tinsab mhedda minn xi attakk terroristiku, il-Gvern Malti għadu jsostni li dan mhux il-każ. Iżda min-naħa l-oħra din is-sitwazzjoni qed tinżamm taħt osservazzjoni stretta fejn ċerti suldati jinsabu armati aktar mis-soltu.
Sorsi qrib il-Forzi Armati ta’ Malta qalulna li qabel ma feġġew l-attakki terrostiċi madwar l-Ewropa, b’mod speċjali wara dak li seħħ f’Pariġi, ir-rutina tas-suldati Maltin kienet aktar rilassata.
Fost l-ordnijiet ġodda li ngħataw fl-aħħar jiem jew ġimgħat kienu dwar l-armi kif ukoll l-uniformi. L-istess sorsi tawna xi eżempji fostom suldati f’postijiet strateġiċi bħalma huwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Huma spjegaw kif fejn qabel jekk kien ikun hemm tliet suldati għassa f’post wieħed, bħalma tkun xi “gate”, ikun suldat wieħed minnhom li jkun fuq barra armat bir-rifle u pistol liema armi ġeneralment ma jkunux armati bil-magazine, jew aħjar bil-munizzjon. Qabel il-magazine kien jinżamm fil-but u mhux fl-arma.
Issa dawn is-suldati, wieħed ikollu rifle u pistola, t-tnejn armati bil-magazine filwaqt li t-tnejn l-oħra għandhom rifle b’magazine fl-arma u magazine ieħor fil-but u l-arma trid tkun il-ħin kollu fuqhom.
“Dan ma jfissirx li hawn xi theddid serju, jew li ninsabu taħt xi attakk imminenti. Hija biss miżura biex il-poplu jkun protett. Kif inhu d-dmir tal-Armata fuq kollox”, saħaq wieħed mis-sorsi.
Dwar l-uniformi, is-sorsi kkonfermawlna li r-rutina ta’ qabel kienet li s-suldat seta’ joħroġ mid-dar biex imur għax-xogħol bl-uniformi bil-lest. Issa l-ordni hi li jirrapportaw għax-xogħol libsin bil-ħwejjeġ tagħhom personali u jbiddlu bl-uniformi meta jaslu fejn huma stazzjonati.
“Din hija miżura biex meta jaslu fuq il-post ma jagħtux ħafna fil-għajn li hija wkoll miżura mhux biss ta’ sigurtà għal post fejn imorru, imma anke għalihom personali peress li dak il-ħin ma jkunux armati,” qalilna l-istess sors.
Sadanittant sit elettroniku Taljan irrapporta li Malta, flimkien mal-Italja u Spanja jistgħu jkunu fil-mira ta’ missili sparati mill-Afrika ta’ Fuq l-aktar mil-Libja mit-terrositi tal-Istat Islamiku, xi ħaġa li qed tkun miċħuda tant li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, diġà ċaħad fil-jiem li għaddew.