Aġġornament
F’kumment li kelliem tal-Gvern ta lil MaltaToday, qal li l-wasla ta’ dawn l-ajruplani m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-kriżi fil-Libja jew xi attakk mill-IS.
“It-talba mill-Ingliterrra biex dawn jinżlu hawn Malta fi triqithom lejn pajjiż ieħor saret f’Jannar. L-awtorizzazzjoni biex dawn jinżlu Malta ħarġet f’nofs Jannar” qal il-kelliem.
L-ajruplani tal-RAF mistennija jitilqu nhar il-Ħamis.
iktar kmieni...
Fil-ħin li ġej, għall-ħabta tas-7.15 p.m., mistennija jaslu Malta erba’ Eurofighter EF-2000 Typhoon u Airbus A330 Voyager KC3 li huwa ajruplan li kapaċi jagħti l-fjuwil lill-istess ajruplani waqt it-titjira mill-Ingilterra. Dawn l-ajruplani military huma tar-Royal Air Force.
Dawn l-ajruplani kellhom jaslu Malta aktar kmieni llum waranofsinhar, iżda minħabba xi ħsara teknikna li żviluppatlu l-Airbus meta kienu qegħdin jaqsmu l-Kanal Ingliż u kienu qrib Franza. Għaldaqstant it-titjiera ġiet ikkanċellata u l-ajruplani militari dawru r-rotta u marru lura lejn il-bażi tagħhom fl-Ingilterra.
Jidher li l-ħsara ttranġat u tant li dawn xorta se jiġu Malta f’dak li uffiċjalment qed ikun allegat li ġejjin Malta għal taħriġ.
Huwa mifhum li għada, l-Erbgħa, se jiġu Malta aktar ajruplani simili.
Għalkemm qed jingħad li dawn huma operazzjonijiet ta’ taħriġ, mhux magħruf jekk il-preżenża tal-vapur navali Olandiż, il-HNLMS Johan de Witt fl-ibħra ta’ Malta hix koinċidenza.