Investiment dinamiku fil-qasam tal-enerġija

Investiment aktar minn dak mistenni mill-Kummissjoni Ewropea

Investiment aktar minn dak mistenni mill-Kummissjoni Ewropea
Investiment aktar minn dak mistenni mill-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea iddeskriviet l-investiment dinamiku fil-qasam tal-enerġija bħala wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jesperjenza pajjiżna.
 
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipprevedi żieda iktar fil-konsum tas-servizzi u prodotti grazzi għaż-żieda fil-flus fil-but tal-familji u tan-negozji li rriżultat mir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qabel kienu meqjusin fost l-ogħla fl-Ewropa.
 
Irrikonoxxiet illi fattur ewlieni li wassal biex ikollna rata inqas ta’ inflazzjoni f’pajjiżna kien ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’Marzu li għadda għall-familji f’pajjiżna.
 
Dan ifisser li minkejja t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi li kellu pajjiżna l-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi għolew b’rata ferm inqas minn pajjiżi oħra.
 
Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li t-tnaqqis fl-ispejjeż għan-negozji permezz tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’Marzu li ġej, flimkien mar-riformi li għaddejjin bħalissa fil-qasam tal-enerġija, ser ikunu qed iwasslu għal titjib fil-kompetittività għan-negozji.
 
Dan jista’ jwassal għal aktar investiment u esportazzjoni minn dak mistenni mill-Kummissjoni Ewropea.
 
Tirrimarka wkoll kif l-investiment privat se jingħata spinta ‘l quddiem permezz tal-kostruzzjoni tal- impjant ġdid tal-gass li jiġġenera l-elettriku, kif ukoll illi ser ikun qed isir aktar investiment permezz tal-konverżjoni tal-impjant tal-BWSC għall-gass.
 
Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi iddeskriva dan ir-rapport bħala ċertifikat għall-ħidma tal-Gvern Malti f’dan il-qasam.
 
Qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħraf kif l-isforzi tal-Gvern f’dan is-settur qed iwasslu għal tkabbir ekonomiku qawwi għal pajjiżna u li l-Gvern jinsab impenjat li jkompli jkabbar dan is-settur dinamiku f’pajjiżna.
 

More in Politika