Jekk wieħed qatt kellu xi dubju għaliex Lawrence Gonzi twarrab mill-poter minn nies tiegħu stess żgur li wara li tisma’ x-xhieda tiegħu fil-PAC, malajr tneħħih. Gonzi, li se jibqa’ msemmi fl-istorja politika ta’ Malta għall-akbar telfa elettorali ta’ kull żmien, kompla juri biċ-ċar x’wasslu għal din it-telfa. Baqa’ persistenti bil-mod kif imexxi, b’dik id-daħka sarkastika li tipprova tgħatti l-mod kif vera jkun qed jaħseb. Jipprova jiftakar jekk jafx lil Cathy jew le, jinsa avvenimenti li jiftakarhom ġimgħa wara li toħroġ xi e-mail fuq il-gazzetta MaltaToday u jgħid li l-iskandlu taż-żejt kien jeżisti biss qabel l-2005. Dan meta kollox juri li George Farrugia membru ta’ familja li dejjem għenet lil partit Nazzjonalista, kompla għaddej bl-iskandlu anke wara l-2005, meta Lawrence Gonzi kien Prim Ministru.
Iżda Lawrence Gonzi ma tax daqshekk importanza fuq l-iskandlu taż-żejt. Lanqas f’min kellu flus investiti fl-Iżvizzera u li kien hemm min insihom. Kien u għadu jemmen li kien l-iskandlu li waqqgħu mill-gvern. Kien u għadu jemmen li tilef l-elezzjoni tort ta’ min ħareġ l-iskandlu fuq il-mezzi tax-xandir lejliet l-elezzjoni. Għadu ma jemminx li l-elezzjoni kien ilu li tilifha xhur twal jekk mhux snin qabel id-9 ta’ Marzu 2013.
Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM