“Il-futur tal-Commonwealth jista’ jkun aktar sod jekk il-pajjiżi kollha jikkoperaw fuq għadd ta’ livelli, minn dawk politiċi għal kulturali, industrijali u kummerċjali.” Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta dalgħodu nieda l-Commonwealth Business Forum 2015.
Il-Forum huwa koorganizzat mill-Gvern ta’ Malta u l-Commonwealth Enterprise and Investment Council (CWEIC) u se jiltaqa’ fil-lukanda Hilton Malta. Dan il-Forum se jkun qed jattira aktar minn elf delegat.
“Jien pożittiv li l-Business Forum, li ser jinżamm f’Malta qabel iċ-CHOGM, jista’ jipprovdi l-pjattaforma neċessarja għal tkabbir u prosperità fil-Commonwealth,” qal Muscat.
Il-programm se jipprovdi spazju għal djalogu ta’ livell għoli bejn rappreżentanti mill-qasam tan-negozju u mexxejja tal-Gvern filwaqt li se tiżviluppa sħubijiet aktar b’saħħithom sabiex tiżgura li l-Commonwealth jilgħab l-irwol tiegħu fil-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli madwar id-dinja.
Għat-tnedija attendew persuni distinti mill-qasam tan-negozju minn firxa wiesgħa ta’ industriji.