Il-gvern Irlandiż għaddha l-bastiment ta’ sorveljanza Le Aoife f’idejn il-Forzi Armati ta’ Malta biex jintuża għas-sigurtà fil-Mediterran.
“Din l-għotja tfisser ħafna għal Malta għax sakemm jinxtara bastiment ġdid ta’ sorveljanza, Le Aoife se jgħin biex jimtela l-vojt f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħmir navali tal-pajjiż.” Dan qalu l-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela meta ħabbar il-ftehim milħuq mal-gvern Irlandiż.
Il-bastiment hu twil 65 metru u nbena 35 sena ilu. Intuża l-aktar fil-protezzjoni tas-sajd u anke kien iwassal lit-truppi Irlandiżi għall-missjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Le Aoife se jkun l-ikbar bastiment tal-iskwadra marittima fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta.