Malta u l-Portugall flimkien fil-qasam tal-politika soċjali
Ftehim li għandu jwassal għal aktar koperazzjoni
More in Politika
Ftehim li għandu jwassal għal aktar koperazzjoni
Ilbieraħ, il-Ministru għas-Solidarjetà, Xogħol u Politika Soċjali tal-Portugall Pedro Mota Soares u l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, iffirmaw Agreement of Cooperation f’Lisbona, wara li sena ilu ż-żewġ Ministeri ffirmaw Memorandum of Understanding.
Fid-diskors li għamlu għall-okkażjoni, iż-żewġ Ministri saħqu li kien importanti ferm li jiġi ffirmat dan l-Agreement of Cooperation għaliex permezz tiegħu ż-żewġ Ministeri se jkunu jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib billi jaqsmu bejniethom il-veduti, l-ideat kif ukoll it-titjib li għandu jseħħ sabiex is-sistema tal-politika soċjali tkun aktar sostenibbli. Esprimew ukoll li din il-ħbiberija ta’ bejniethom għandha twassal għal aktar koperazzjoni u b’hekk jinbena pont fuq sisien sodi bejn iż-żewġ pajjiżi. Huma qablu li joħolqu djalogu b’saħħtu sabiex imbagħad dan ikunu jistgħu jwassluh b’vuċi aktar b’saħħitha fil-livell ta’ laqgħat fi Brussell.
Iż-żewġ Ministri tkellmu bejniethom dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali taż-żewġ pajjiżi rispettivi waqt li fehmu li hemm oqsma li fihom jistgħu jikkooperaw sabiex itejbu l-mudell soċjali. Din hija responsabbiltà kbira li għandha tiġi ppreservata kemm għal-lum kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Il-Ministru Michael Farrugia u l-Ministru Pedro Mota Soares sostnew u qablu li għandhom ilaqqgħu wkoll lill-esperti fil-qasam tas-sigurtà soċjali taż-żewġ pajjiżi, sabiex dawn ikomplu jaħdmu fuq dak li ġie ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi permezz ta’ dan il-ftehim.
Fil-jumejn li ġejjin, iż-żewġ Ministri se jissuktaw jaħdmu mill-qrib f’laqgħat u visti li għandhom skedati biex b’hekk, il-Ministru Michael Farrugia jkollu l-opportunità jżur il-mod kif il-Gvern Portugiż qed iwettaq fil-prattika l-ħidma tiegħu fid-diversi oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.