Wara li lbieraħ tressqu l-Qorti l-aħwa Farrugia fejn ġew mixlijin b'tixħim fil-każ tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta fi żmien il-Gvern Nazzjonalista, f'liema każ ħuhom George Farrugia ngħata l-proklama, illum kompla s-smiegħ quddiem tal-każ quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman.
L-aħwa Farrugia huma Antonio ta' 68 sena; Gaetano ta' 65 sena; Raymond ta' 62 sena; Saviour ta' 60 sena; u Emanuel ta' 59 sena.
Xehed illum George Farrugia nnifsu li fix-xhieda tiegħu qal li ħutu kienu sapevoli li kienu qed isiru ħlasijiet bħala tixħim lil ċerti nies fosthom lil Frank Sammut, Tancred Tabone, Alfred Mallia u Tarcisio Mifsud.
Fi tmiem is-smiegħ il-Maġistrat Miriam Hayman iddikjarat li hemm biżżejjed provi biex il-ħames aħwa jitqiegħdu taħt att ta' akkuża.