“L-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier huwa gravi minnu nnifsu. Pero’ l-gideb li qed isir biex jingħata l-impressjoni li Muscat ma kienx involut huwa aktar gravi. Li Prim Ministru jigdeb biex isalva ġildu huwa skandlu fih innifsu.” Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-iskandlu tal-Cafe’ Premier li fih hemm involut b’mod dirett Joseph Muscat.
“Illum ġie kkonfermat, għalkemm ftit kien hemm dubju, li Muscat iltaqa’ mad-Direttur ta’ Cafe Premier qabel l-elezzjoni ġenerali. M’hawn ħadd fil-pajjiż li jemmen li fil-laqgħat ta’ qabel l-elezzjon, Muscat ma ddiskutiex il-Cafe’ Premier,” sostna Beppe Fenech Adami.
Qal ukoll li l-fatti kollha ma jħallu ebda dubju f’moħħ il-poplu Malti u Għawdxi li d-deċiżjoni li l-flus mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi jintużaw biex jitħallas id-dejn tal-kumpanija kienet deċiżjoni miftehma.
Fenech Adami temm jgħid li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali jingħad kemm il-darba li Muscat iltaqa’ mad-Direttur tal-Cafe’ Premier, li ta l-ordni biex isir il-ħlas, u li kien hu li ħareġ bis-somma ta’ €4.2 miljun.