Il-popli Ewropej iridu Ewropa tan-nazzjonijiet – Alfred Sant

L-isfida hi kif se nirrispettaw dak li jridu l-popli

Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-popli Ewropej iridu Ewropa tan-nazzjonijiet, ma jridux soluzzjoni federali. L-isfida hi kif se nirrispettaw dak li jridu l-popli, waqt li nissodisfaw il-ħtiġijiet ta' għaqda monetarja effettiva bejn nazzjonijiet demokratiiċi. L-isfida tista' tintlaqa' biss bl-iżvilupp ta' strutturi konfederali fiż-żona ewro, qal l-Ewroparlamentari Laburista.
 
Sant qal li wħud fostna hawn jaraw dan biss bħala teorija. Jippreferu titjib fil-governanza ekonomika li diġà ssostni l-istrutturi eżistenti ta' tmexxija. Fl-aħħar snin iż-żona tal-ewro ġarrbet riċessjoni li ħarġet fil-beraħ in-nuqqasijiet fl-istrutturi tagħha. Iddaħħlu arranġamenti biex isostnuha u jżommuha kompetittiva fil-qafas tal-globalizzazzjoni. Fi ħdan l-għaqda monetarja jonqosna mekkaniżmu fiskali ċentrali li jwieżen diverġenzi bejn iċ-ċentru u l-periferija billi jittrasferixxi riżorsi miċ-ċentru lejn il-periferija.

Qal ukoll li kellhom ikunu interventi mill-Bank Ċentrali Ewropew li x'aktarx imorru lil hinn mill-qafas legali tiegħu li salvaw lill-unjoni monetarja mill-paraliżi. Ironikament il-mexxejja tal-Bank, li mhumiex eletti, sejħu għal aktar żviluppi politiċi li jagħmlu l-unjoni monetarja adatta aktar għall-għanijiet tagħha.

Sant temm id-diskors tiegħu billi fakkar li l-Konvenzjoni Ewropea ta' xi tnax-il sena ilu kellha tfassal kostituzzjoni għall-Ewropa li ġiet miċħuda mill-istess pajjiżi Ewropej li kienu  favur għaqda dejjem eqreb fl-Ewropa. Sadattant kienet twaqqfet għaqda monetarja fin-nuqqas ta' għaqda ekonomika li ġarret fiha diverġenzi ekonomiċi kbar bejn l-istati membri tagħha.

More in Politika