Għandna mmexxu medjazzjoni bejn Tobruk u Tripoli
Roberta Metsola dwar is-sitwazzjoni fil-Libja...
More in Politika
Roberta Metsola dwar is-sitwazzjoni fil-Libja...
Ix-shadow Minister tal-Affarijiet Barranin tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola qalet li Malta għandha tkun ‘leader’ segwita mill-oħrajn fil-każ tal-Libja, “Hemm bżonn li nieħdu rwol aktar attiv fejn nistgħu nkunu aħna li mmexxu medjazzjoni bejn iż-żewġ gvernijiet Libjani, dak ta’ Tobruk u dak ta’ Tripoli.”
Il-Parlamentari Ewropea saħqet li ħadd daqs il-Maltin ma jistgħu jifhmu lil-Libjani, “Anke ġeografikament aħna għandna vantaġġ fuq kull pajjiż ieħor Ewropew u li jgħinha nifhmu ħafna iżjed lil Libjani u l-bżonnijiet tagħhom vis-à-vis pajjiżna. Aħna nistgħu nkunu leaders politiċi li niġu segwiti mill-oħrajn.”
Dan l-aħħar Metsola tkellmet u saħqet li Malta għandha tkun preżenti fil-kwistjoni tal-Libja. Ħafna fehmuha li riedet tibgħat liż-żgħażagħ Maltin fit-toroq tal-Libja biex jikkumbattu t-terroriżmu. Iżda meta mistoqsija mill-ILLUM hi qaltilna li d-diskors tagħha ttieħed b’mod żbaljat.
“Malta dejjem ingħaqdet f’patti kontra t-terroriżmu. Dejjem konna kontra l-estremisti u dawk li jaħkmu bit-terrur. Għalhekk Malta trid tkun parti mill-koalizzjoni ta’ 62 pajjiż kontra t-terroriżmu. Iżda mhux militarment. Aħna nistgħu nagħtu għajnuna loġistika u umanitarja. Żvezja tibgħat l-ikel, l-Irlanda tipprovdi taħriġ fuq suldati taż-żamma tal-paċi u l-Fillandja b’ikel u mediċini. Għaliex aħna għandna nibqgħu barra?