Turiżmu - Industrija li toħloq impjiegi għal eluf ta’ nies

Ippreżentat rapport dwar l-istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu

Ippreżentat rapport dwar l-istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu
Ippreżentat rapport dwar l-istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis dalgħodu ltaqa’ mal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Restoranti (MHRA) fejn ġie ppreżentat rapport dwar l-istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu.
 
Zammit Lewis qal li kulħadd jagħraf l-importanza kbira tat-turiżmu għall-ekonomija tal-gżejjer tagħna. “Din l-industrija mhux biss tiġġenera madwar tletin fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna, iżda toħloq impjiegi għal eluf ta’ nies, dħul ta’ miljuni ta’ ewro lill-Gvern sabiex ikun jista’ jerġa’ jirrinvestihom għall-ġid tal-poplu tagħna, kif ukoll jagħmel ritorn adegwat fuq l-investiment lin-negozjanti u lill-operaturi li jaħdmu f’dan il-qasam.”

Qal li l-Gvern huwa mpenjat sabiex dan is-settur ikompli jkattar il-ġid u jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Fakkar ukoll kif l-2015 bdiet b’mod pożittiv ferm għat-turiżmu f’Malta fejn skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ġiet reġistrata ċifra rekord fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna f’dan l-ewwel xahar ta’ din is-sena.

Il-Ministru temm billi rringrazzja lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Restoranti (MHRA) għall-kontribut tagħha filwaqt li sostna li s-suċċess kontinwu fl-industrija tat-turiżmu f’Malta jista’ biss ikun sostnut jekk ikun mibni u mħejji fuq qafas sod ta’ politika tat-turiżmu bi strateġija ċara.
 

More in Politika