Il-UĦM irreġistrat ir-riżerva tagħha għall-mod ta' kif qed jitmexxa l-MCESD. Dan għamlitu llum permezz ta' ittra fejn saħqet li fl-MCESD, id-djalogu soċjali jiffoka l-iżjed fuq dak li hu ta' prijorità għall-Uffiċju tal-Prim Ministru u għad-diversi Ministri fi ħdan il-Kabinett. Saħqet li dan tant hu minnu li meta ssir talba min-naħa tal-Ministri jew mill-Uffiċju tal-Prim Ministru din tiġi milqugħa immedjatament, meta imbagħad talba li ssir mill-imsieħba soċjali trid tiġi meqjusa wara diskussjoni.
Il-UĦM qalet ukoll li permezz ta' korrispondenza mill-MCESD, meta jsiru talbiet għal laqgħat min-naħa tal-MCESD, jrid ikun hemm consensus mill-imsieħba soċjali li huma membri fil-Kunsill. Filwaqt li stqarret li dejjem emmnet fl-irwol tal-MCESD fid-djalodu soċjali ta' pajjiżna, il-UĦM dejjem kellha l-impressjoni li l-irwol tal-MCESD għandu jkun indipendenti, u li ma jkunx ta' ostaklu hu stess għad-djalogu soċjali.