L-aħħar statistika tal-Eurostat turi kif f'Jannar 2015 il-bejgħ tal-ħwienet kien 2% ogħla mill-istess xahar tal-2014. Dan ifisser li Jannar huwa t-tielet xahar konsekuttiv meta l-bejgħ kien aktar għoli mis-sena ta' qabel.
Il-livell tal-indiċi ta' Malta huwa t-tieni l-aktar għoli għax-xahar ta' Jannar minn l-2000 - is-sena li fiha bdiet tinġabar din it-tip ta' statistika. Din is-sena il-livell tal-indiċi ta' Malta kien ta' 91.3, meta taħt amministrazzjoni preċedenti l-medja għal Jannar kienet 89.6.
Jidher ukoll li bejn Diċembru 2014 u Jannar 2015, il-bejgħ fil-ħwienet f'Malta żdied b'0.7%. Dan ikompli maż-żieda fil-bejgħ li kien hemm f'erbgħa mis-sitt xhur li għaddew.
Għall-ewwel darba d-depożiti tal-familji Maltin mal-banek lokali qabżu l-figura rekord ta €9 biljuni. Barra minn hekk, għall-ħruġ ta' €120 miljun stock tal-Gvern kien hemm offerta ta' aktar minn €440 miljun mill-pubbliku Malti.
Dawn iċ-ċifri jkomplu mar-rapporti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Fitch Ratings u l-Kummissjoni Ewropea li kollha wrew li d-dħul disponibbli tal-familji qed jiżdied. Skont il-Kummisjoni Ewropea, l-ottimiżmu fl-ekonomija Maltija huwa l-aktar għoli meta mqabbel mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.