Ir-riskji li l-istress fuq il-post tax-xogħol iġib miegħu u l-mod kif dan għandu jiġi indirizzat huma temi trattati fi ktieb ġdid bl-isem ta’ Stress in the Workplace: A handbook for practicioners tal-awturi Vince Cassar u Dr Mark Borġ u li kien ippreżentat dalgħodu lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli.
L-istress mentali fuq il-post tax-xogħol hija problema reali li min iħaddem u l-impjegati nfushom mhux dejjem huma konxji tagħha. Dan meta s-sintomi mhux dejjem huma viżibbli, b’riżultat li l-effetti jistgħu jkunu kbar.
Il-Ministru Dalli spjegat kif il-Ministeru li taħtu taqa’ l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHSA) diġà qed jindirizza din ir-realtà. Hija enfasizzat il-bżonn ta’ aktar ħidma biex jitnaqqas l-istress fuq il-post tax-xogħol għaliex dan la jagħmel ġid lill-ħaddiema, la lill-post tax-xogħol innifsu u wisq anqas lill-familji tal-impjegati.
Dalli kkwotat statistika tal-EU-OHSA li turi kif madwar 51% tal-ħaddiema madwar l-Ewropa jaħsbu li l-istress fuq il-post tax-xogħol huwa xi ħaġa komuni fil-post fejn jaħdmu filwaqt li 16% iddikjaraw li huwa komuni ħafna. L-istatistika turi wkoll kif 72% tal-ħaddiema fl-Ewropa jattribwixxu l-istress fuq il-post tax-xogħol minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà fix-xogħol (job insecurity) segwit mill-volum tax-xogħol (66%).