Ir-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja ssemmew fl-ewwel laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu mal-Arċisqof elett Monsinjur Charles Scicluna fl-ewwel laqgħa ta’ korteżija li saret fil-Berġa ta’ Kastilja.
Waqt li feraħ lill-Monsinjur Scicluna għal ħatra tiegħu, il-Prim Ministru qal li qed inħarsu ’l quddiem lejn żminijiet li fihom iż-żewġ naħat se jkunu qed jaħdmu qrib xulxin. Qal li s-separazzjoni netta bejn iż-żewġ istituzzjonijiet hija ta’ ġid għal kulħadd u ma tfissirx li wieħed ma jitkellimx imma li naħdmu aħjar flimkien.
Muscat enfasizza dwar l-irwol tal-Knisja fil-qasam soċjali fejn ix-xogħol li jsir hu kumplimentari għall-irwol tal-istat. Fost l-oħrajn semma l-kura tat-tfal li ġejjin minn familji bi problemi, l-anzjani u r-rijabilitazzjoni ta’ persuni li jkunu ħerġin mill-vizzju tad-droga.
Il-Prim Ministru qal li japprezza l-fatt li l-Arċisqof hu persuna ta’ opinjonijiet qawwijin ħafna. Minkejja li hemm differenzi f’ċertu opinjonijiet dan iwassal għal djalogu sinċier fis-soċjetà tagħna.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof elett Charles Scicluna rringrazzja lill-Istat u l-Gvern tal-garanzija tal-libertà reliġjuża li joffri lil kulħadd. Qal li l-awtonomija bejn il-Knisja u l-Istat hija valur importanti fl-era li qegħdin ngħixu fiha, li tfisser ukoll rispett reċiproku. Hu enfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu mhux biss rispettuż iżda onest u leali. Il-vokazzjoni tal-Knisja hija dik li taqdi lill-bniedem u għalhekk il-kriterju tal-kollaborazzjoni mal-Istat u l-Gvern huwa favur il-fqir sabiex neliminaw il-faqar.