Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis għamel żjara ta’ jumejn f’Berlin, fil-Ġermanja, fejn hemm attenda għall-akbar fiera fl-Ewropa għall-operaturi fis-settur tat-turiżmu. Huwa żar l-istand imtellgħa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u hemmhekk żar l-operaturi Maltin li pparteċipaw bi ħġarhom f’din il-fiera. L-operaturi stqarru mal-Ministru Zammit Lewis illi l-feedback li qed jirċievu dwar Malta huwa wieħed pożittiv ħafna u x-xejriet għal quddiem mis-settur turistiku Ġermaniż, qed jindikaw tkabbir. Il-Ministru kellu wkoll laqgħat mal-operaturi turistici ewlenin Ġermaniżi, kif ukoll ma’ diriġenti ta’ linji tal-ajru li ġa joperaw u li ser jibdew joperaw fis-sena 2015 minn u lejn Malta.
Zammit Lewis ipparteċipa wkoll għall-konferenza organizzata għall-Ministri mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fejn ġie diskuss ir-rwol kruċjali tal-kultura għat-turiżmu. Ġiet diskussa wkoll il-koperazzjoni fost il-pajjiżi sabiex jinħolqu l-hekk imsejħa multi-destination visits speċjalment għal swieq turistiċi barra mill-Ewropa.
F’din iż-żjara, il-Ministru Zammit Lewis kien akkumpanjat mil-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu s-Sur Paul Buġeja u ċ-Chairman Dr Gavin Gulia, kif wkoll miċ-Chairperson tal-Airmalta Ms Maria Micallef u mill-konsulent tiegħu is-Sur Josef Formosa Gauci.