Waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Qala, Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jrid iwaqqaf ix-xejra li l-Kunsilli Lokali dejjem jintrebħu mill-partit fl-Oppożizzjoni. Muscat qal li jrid jirbaħ dawn il-kunsilli anke jekk bi ftit voti.
Joseph Muscat ikkwota titlu li deher fuq dan is-sit dwar dak li qal Josef Bonnici fuq il-programm immexxi minn Andrew Azzopardi, 'Għandi xi Ngħid' fejn l-ex ministru Nazzjonalista llum gvernatur tal-Bank Ċentrali qal li hemm arja pożittiva fuq l-ekonomija Maltija. Muscat faħħar l-analiżi tajba li għamel Bonnici fuq mistoqsijiet ta' Andrew Azzopardi.
Dwar Għawdex Muscat ħabbar li fil-jiem li ġejjin mistenni jitħabbar proġett kbir u sostenibbli għal-Għawdex. Għawdex se issir l-għira tal-Maltin hekk kif se tiġbed lejha investiment b’saħħtu żied jgħid il-Prim Ministru.
Joseph Muscat semma wkoll li taħt il-Gvern preżenti Għawdex mhux se jibqa' jiekol mill-frak li jaqa’ mill-mejda ta’ Malta. F’Għawdex il-Gvern se jibqa' jistinka biex iġġib aktar xogħol u aktar investiment.
Muscat għamel referenza għall-istatistika riċenti li wriet li f’20 xahar dan il-Gvern ħoloq postijiet tax-xogħol daqs kemm ħoloq il-Gvern preċedenti f’ħames snin. Fejn fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista f’Għawdex inħolqu biss 18-il xogħol, Gvern Laburista f’sena waħda ħoloq aktar minn 500 xogħol. F’din il-leġiżlatura s’issa f’Għawdex inħolqu 832 impjieg.
Huwa tkellem ukoll dwar il-miżuri favur in-nisa bħal childcare b’xejn u spjega kif dan qiegħed iħalli l-frott anke fuq il-pensjonijiet. Dan hekk kif għal kull tifel u tifla li jmorru childcare centre, omm qed taħdem, tħallas it-taxxi u l-bolla u b’hekk tikkontribwixxi kemm għall-pensjoni tagħha kif ukoll għall-anzjani tal-lum.