Id-dejn tal-Gvern naqas b’€178 miljun

Skont stqarrija tal-gvern

 

Fit-tliet xhur li għaddew, minn tmiem Ottubru sa tmiem Jannar, id-dejn tal-Gvern Ċentrali naqas b’€178 miljun. Dan ħareġ minn stqarrija tal-Gvern li tgħid ukoll li l-istatistika tirrifletti l-fatt li f’Novembru l-Gvern kien €94 miljun minn fuq fil-kontijiet tiegħu, filwaqt li f’Jannar kien hemm bilanċ favur il-Gvern ta’ €12-il miljun.

Il-Gvern qal li t-tnaqqis fil-livell tad-dejn qed iseħħ minkejja li, skont l-Oppożizzjoni, bħalissa l-Gvern qed jonfoq b’mod esaġerat u li d-dejn qed jisplodi. Ir-realtà hija li, minn Marzu 2013 ’l hawn, id-dejn tal-Gvern Ċentrali kien ikkontrollat meta mqabbel maż-żieda qawwija waqt il-kampanja elettorali fi tmiem l-aħħar amministrazzjoni.

Il-Gvern temm jgħid li dan it-tnaqqis fid-dejn mhux qed isir b’miżuri ta’ awsterità imma jirrifletti politika favur tkabbir ekonomiku li jżid id-dħul tal-Gvern filwaqt li jnaqqas id-dipendenzi fuq l-ispiża pubblika. Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikompli jħaddan din il-politika pożittiva li permezz tagħha qed inaqqas id-defiċit u jkompli jkabbar il-ġid. 

More in Politika