Qed isiru arranġamenti biex il-Maltin li jinsabu barra mill-pajjiż ikunu jistgħu jiġu lura Malta biex jivvotaw fir-Referendum li se jsir is-Sibt, 11 ta' April 2015.
L-Air Malta plc ser tipprovdi biljett bir-ritorn għal €70, inklużi t-taxxi u spejjeż oħra, għal dawk il-persuni li huma eliġibbli li jivvotaw f’dan ir-Referendum. Reservations fuq titjiriet skedati tal-Air Malta jistgħu jsiru fuq in-numru tat-telefon (+356) 25991230 mit-8.00 ta’ filgħodu, għada d-9 ta’ Marzu 2015. Iċ-ċentru tal-Air Malta ser ikun miftuħ bejn it-Tnejn u s-Sibt, mit-8.00 ta' filgħodu sad-9.00 ta' filgħaxija u l-Ħadd mit-8.00 sal-5.00 ta' wara nofsinhar.
L-ivjaġġar lejn Malta hu possibbli bejn is-6 u l-11 ta' April 2015, bl-ivjaġġar tar-ritorn ikun bejn il-11 u d-19 ta' April 2015 (dati inklużi).
Dawn l-arranġamenti japplikaw għal:
(a) persuni li huma eliġibbli li jivvotaw, li jinkludu dawk li huma miżżewġa ma' barranin, li qed jistudjaw, jaħdmu jew li qed jirċievu xi trattament mediku barra minn Malta;
(b) dipendenti tagħhom. Dipendenti huma:
1. l-ulied ta’ dik il-persuna, jew ulied żewġ jew mart dik il-persuna, jekk dawk l-ulied ikunu taħt it-tmintax-il sena;
2. il-konjuġi tal-persuna.
Din id-direttiva tapplika għal dawk il-votanti li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fis-26 ta' Jannar 2015.