Qbil dwar il-'Paid Study Leave'

Jintlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-MUT dwar il-paid study leave

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbru li intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-MUT biex jidħol fis-seħħ paid study leave. Dan intqal meta l-Prim Ministru, il-Ministru għall-Edukazzjoni u uffiċjali tal-MUT għamlu żjara fil-Kulleġġ Santa Klara f'Pembroke illum wara nofsinhar.

"Dan il-qbil dwar il-paid study leave huwa wieħed mill-wegħdiet elettorali li saru li jippermettu lill-edukaturi, kemm LSAs, kapijiet tal-iskejjel u għalliema stess, sabiex ikomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom," qal il-Ministru Bartolo.

Bartolo żied jgħid li dan il-programm se jkun miftuħ għall-edukaturi f'kull livell u l-kriterji eżatti se jiġu mħabbra aktar 'il quddiem.

Kevin Bonello, il-President tal-MUT wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern qed jikkollabora sabiex jintlaħaq dan il-ftehim.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-programm mhux se jkun limitat biss għall-għalliema, imma se jkun miftuħ ukoll għall-kategoriji oħra sabiex tiġi żgurata edukazzjoni ħolistika.

Matul l-istess żjara, il-Prim Ministru żar xi klassijiet u tkellem mal-kap tal-iskola dwar il-progress li qed tagħmel l-iskola fil-qasam tal-ko-edukazzjoni. Minn studju li sar mill-kap tal-iskola, deher li din is-sistema ta' edukazzjoni qed tidher bħala waħda pożittiva.

More in Politika