Malta miexja fuq binarji pożittivi u hi ekonomikament b’saħħitha

Wara sentejn taħt Gvern Laburista . . .

Għada jagħlaq sninu l-Partit Laburista jmexxi l-Gvern ta’ Malta. Sentejn ġewwa minn ħamsa li hemm biex dan il-Gvern jattwa dak li wiegħed u jattwa l-programm elettorali. Wara nuqqas ta’ kważi 25 sena mill-gvern (apparti bejn l-1996 u l-1998) ingħata l-fiduċja biex imexxi lil Malta b’maġġoranza assoluta. Finanzjarjament Malta baqgħet miexja fuq binarji pożittivi u hija ekonomikament b’saħħitha. Dan dejjem skont iċ-ċertfikati li qed jagħtu lil Malta l-gwardjani u aġenziji globali fuq l-ekonomija u l-finanzi bħal ‘Fitch’ u ‘Standard & Poor’.

Din il-gazzetta ħadet l-opinjoni ta’ diversi stakeholders fil-pajjiż, bħal unjins, studenti, mexxejja ta’ minoranzi, tobba, turiżmu, kummerċ u opinjonisti dwar kif mar fl-eżami l-Gvern Laburista fejn jidħlu l-ekonomija, saħħa, xogħol, edukazzjoni u trejdunjiniżmu, jekk għamilx biżżejjed u x’għandu jsir iżjed.

Tony Zarb – GWU

Hu fatt ċar li sentejn ta’ Gvern Laburista ħa ħsieb li jtejjeb l-interessi tal-ħaddiema, speċjalment dawk vulnerabbli li kienu jaħdmu bil-prekarjat. Ħa diversi miżuri biex il-prekarjat jinqered minn pajjiżna. Anke l-familji tal-ħaddiema gawdew mill-fatt li l-Gvern irnexxielu jżomm baxx l-għoli tal-ħajja u b’hekk il-ħaddiem kellu iżjed flus fil-but. Dan jgħinu biex jgħix aħjar, jonfoq iżjed u jkun qed jgħin fl-ekonomija tal-pajjiż ukoll.

Ma nistax ma nsemmix l-introduzzjoni tal-childcare b’xejn li għenet mhux ftit lil ħaddiema femminili li gawdew direttament minn din il-miżura. Anke bħala unjin, għall-kuntrarju ta’ qabel, qed insibu l-bibien tal-Gvern miftuħin beraħ kollha għal kull tip ta’ diskussjoni.

Jesmond Bonello – UĦM

Il-UĦM tħoss li dawn l-aħħar sentejn kienu ftit diżappuntanti minħabba l-fatt li kien hemm numru ta’ aspettativi mill-ħaddiema li sal-lum għadhom ma twettqux. Jekk kien hemm ħaddiema li kienu fil-prekarjat sal-lum dawn għadhom fl-istess sitwazzjoni, kemm jekk huma tal-kuntrattur kif ukoll jekk dawn huma msejħa self-employed. Diversi ħaddiema tal-Gvern u tal-entitajiet pubbliċi, inklużi wkoll ħaddiema tal-Pulizija u tal-Forzi armati, qegħdin ibatu numru ta’ diskriminazzjonijiet magħhom. Dawn jinkludu wkoll diversi trasferimenti bla ebda kriterja.

Il-UĦM tara li l-Gvern dawn l-aħħar sentejn ħa numru ta’ inizjattivi tal-UĦM fosthom iċ-childcare centres b’xejn li qegħdin jagħtu frott. Mandanakollu mhux qegħdin naraw li qed ikun hemm inizjattivi u għajnuna biżżejjed lill-industrija. Il-UĦM tħoss li l-Gvern naqas fil-livell tad-djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali tant li llum f’diversi drabi, konsultazzjoni qed tiġi ridotta għall-sempliċement informazzjoni.

Gabi Calleja – MGRM

Fir-rigward tad-drittijiet ta’ persuni LGBTI diġà twettqu ħafna mill-miżuri li l-Gvern kien ikkommetta li jimplimenta. Naħseb li l-inizjattivi kemm leġiżlattivi kif ukoll ta’ politika li ħa dan il-gvern, iwassal biex ħafna mill-għanijiet tal-MGRM jiġu attwati u f’ċerti każi jmorru anke lil hinn mill-aspettativi tagħna. Dawn jinkludu t-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv LGBTI; il-bidliet fil-liġi biex persuni Trans ikunu jistgħu jiżżewġu lil persuna tas-sess oppost; l-introduzzjoni tal-emendi kostituzzjonali biex ikunu inklużi protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; l-introduzzjoni ta’ politika ġdida kontra l-ibbulljar fl-iskejjel - li tagħmel referenzi speċifiċi għall-ibbulljar fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; l-abbozz ta’ liġi li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament dwar L-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali; Statement of Intent iffirmat mill-Ministru Helena Dalli fl-okkażjoni tal-Ġurnata Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija (IDAHO) f’Mejju tal-2014; emenda fil-liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali li toffri protezzjoni li persuni trans fuq il-post tax-xogħol u tagħtihom aċċess għal sick leave waqt it-tranżizzjoni; Abbozz ta’ Policy dwar l-inklużjoni ta’ studenti trans, gender variant u intersex fl-edukazzjoni; Miżuri biex dawk li qed ifittxu l-ażil jingħataw protezzjoni jekk huma persegwitati minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom; Il-parteċipazzjoni tal-Ministru Helena Dalli f’konferenzi importanti għal moviment LGBTI Ewropew bħalma huma l-kunsill ġenerali ta’ Transgender Europe, il-konferenza annwali ta’ ILGA-Europe, l-Intersex Forum u l-Konferenzi tal-IDAHO.

Joe Muscat – GTA

Matul dawn l-aħħar sentejn, it-turiżmu għal Malta kien rekord, għaliex ġew irreġistrati l-figuri ta’ 1.6 miljun għas-sena 2013 u ċ-ċifra ta’ 1.7 miljun turist għas-sena 2014.

Naturalment dak kollu li jkun qiegħed jiġri turistikament f’Malta jaffettwa wkoll lil Għawdex. Għaldaqstant, din iż-żieda, ħalliet effetti pożittivi wkoll fuq l-andament tat-turiżmu f’Għawdex, li kemm matul l-2013 u l-2014 irreġistra żidiet fin-numru ta’ turisti. 

Dan l-andament pożittiv irriffletta ruħu kemm fuq is-suq barrani kif ukoll dak mis-suq domestiku. Interessanti huwa l-fatt taż-żieda li ġiet reġistrata fuq it-tul tal-vaganza li l-Maltin qattgħu f’ Għawdex fejn is-sena l-oħra din laħqet it-2.12 iljieli. In-numru ta’ turisti barranin u dawk Maltin li qagħdu fil-lukandi u guest houses f’Għawdex qabżet il-81,000 persuna. Dawn barra dawk it-turisti kemm barranin u lokali li raqdu f’akkommodazzjoni bħal farmhouses u appartmenti li għad m’għandnix statistika dwarhom.

Hu ovvju li dawn iż-żidiet ħallew impatt pożittiv anke fuq stabbilimenti oħra turistiċi f’Għawdex bħalma huma r-ristoranti. Finalment dawn ir-riżultati pożittivi jawguraw tajjeb għal din is-sena, għaliex aħna qed nantiċipaw li s-sena 2015 se tkun sena oħra pożittiva.

Frank Portelli - Kirurgu u opinjonista

Kieku ma kienx għall-ħidma kontinwa ta’ tobba, nurses u paramediċi, l- pazjent qiegħed ħafna agħar milli hu llum. Sptar Mater Dei, il-flagship tas-sistema tas-saħħa f’Malta, għalkemm hu kbir fiżikament b’ħafna spazju moħli f’kurituri, fl-istess ħin hu żgħir wisq għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni ta’ Malta. Żid ma’ dan il fatt li hemm nuqqas kbir fil-kura primarja u għandek dak li tista’ ssejjaħlu l-Perfect Storm. Żewġ fatturi kbar bħal żewġ maltempati deħlin f’xulxin.

Numru kbir ta’ pazjenti qed imorru Mater Dei meta dawn jistgħu jiġu trattati fil-kura primarja mit-tabib tal-familja jew f’poliklinika jew ċentru tas-saħħa. 

Imbagħad għandek nies anzjani jew dawk li għandhom bżonn kura fit-tul li jibqgħu f’Mater Dei għax m’hemmx post għalihom fi sptar ta’ rijabilitazzjoni jew tal-anzjani.

Ħadd ma solviha - għax m’hawnx pjan ħolistiku. Anzi agħar, għax il-ħin kollu nbiddlu d-direzzjoni. L-ewwel St Lukes se nagħmluh ċentru finanzjarju – imbagħad abbandunajnih bħala sptar u użajna parti minnu għal Malta Enterprise u affarijiet oħra. L-Isptar Boffa kien se jsir lukanda u issa hemm bidla fil-ħsieb. Zammit Clapp kien se jsir għall-kanċer imbaghad inbidlet ukoll l-idea. Hemm bżonn li npoġġu bilqiegħda flimkien u nippjanaw ħolistikament mingħajr politika partiġġjana. “Nissuġerixxi li nibdew billi nsaħħu l-kura primarja. Studji juru li  hemm bżonn ta’ 300 tabib u naturalment nurses u paramediċi sabiex tagħmel sistema ta’ kura primarja. Din tnaqqas il-piż minn fuq Mater Dei b’50%. Din trid issir biex ikollna suċċess.

Sptar St Lukes jista’ jsir kumpless kbir għall-anzjani u faċilment jista’ jieħu 1,000 persuna. Ovvjament  trid issir rijabilitazzjoni tal-post. Iżda dan ifisser flus minfuqa tajjeb. Hekk ma jkunx hemm bżonn ħafna tobba u nurses, iżda ħafna ħaddiema tal-kura tas-saħħa.  Dan għaliex il-pazjent jista’ jibqa’ taħt il-kura tat-tabib tiegħu biex ikun hemm kontinwità f’min jieħu ħsiebu.  Barra hekk St Luke’s isir speċi ta’ villaġġ fejn fih ikun hemm ħwienet, ġonna u banek eċċ.  U hekk Mater Dei jista’ jibda jaħdem kif suppost

Nemmen ukoll li dak il-bini ta’ park tax-xjenzi fiż-żona tal-Mater Dei għandu jintuża għall-pazjenti. Dan għax hemm postijiet oħra fejn tagħmel parks tax-xjenzi. Għadna lura. Hemm bżonn nibdew naħdmu bis-serjetà.

Gayle Lynn Callus – KSU

Effettivament, il-Kunsill Studenti Universitarji iservi ta’ pont bejn l-istudent u l-Gvern bl-għan ewlieni li jħares l-akbar interess ta’ kull student fl-Università ta’ Malta. Għaldaqstant hu inevitabbli li din tkun relazzjoni b’saħħitha, xhieda tar-rieda li kemm il-Gvern kif ukoll il-Kunsill huma devoti lejn it-tisħiħ tas-sistema edukattiva fis-sens wiesgħa tagħha. Din ir-relazzjoni ma taħdimx jekk il-kontribut ma jkunx ġej miż–żewġ naħat. Il-vuċi tal-istudent trid tasal għand il-Gvern, u l-Gvern hu fid-dmir li jisma’, jgħarbel u jirrappreżenta - filwaqt li jwettaq it-tibdil meħtieġ. Fid-dawl ta’ dan kollu, nemmen li dan il-kliem jixhed ir-realtà. Il-Kunsill ħadem tajjeb mal-Gvern, u bil-kontra; nixtieq u nistenna li dan ikompli. Uħud mill-inizjattivi li ħdimna fuqhom huma fost l-oħrajn l-Avviż Legali 76 tal-2014, fejn il-Gvern ikkunsidra dak li l-Kunsill kellu xi jgħid sakemm intlaħaq kompromess. In-negozjati tal-qbil kollettiv huma eżempju ieħor ċar fejn minkejja l-ostakli, ilħaqna punt ta’ konverġenza. Il-Kunsill ilmenta fl-introduzzjoni tal-istipendji għal min jirrepeti; kif ukoll kien kemmxejn kawt meta kkummenta dwar it-tibdil fl-amministrazzjoni tal-ismartcard speċjalment fejn jidħlu kontrakontrolli. Barra minn hekk, l-Uffiċju għall-Politika Soċjali ħa sehem dirett tul il-perjodi ta’ konsultazzjoni li sejjaħ il-Gvern, dwar ir-riforma fil-liġijiet dwar id-droga tal-abbuż u l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess, fost oħrajn. Il-konvinzjonijiet tal-istudenti ġew rappreżentati f’dokumenti mħejja mill-istess Uffiċju u ntbagħtu lill-Ministri rispettivi. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni qed jaħdem bis-sħiħ biex jikkomunika b’mod kostruttiv rigward l-Att tal-Università ta’ Malta.  Nista’ ngħid li għadna fid-dlam dwar il-wegħda tal-Gvern li jibni parkeġġ b’aktar minn sular wieħed– nappella biex dan jipproċedi f’sintonija mall-pjan tar-Rettur għall-Universita’. Propju ftit tal-jiem ilu, il-Kunsill iltaqa’ mal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali biex jiddiskuti l-Vot16, djalogu rikorrenti f’dawn il-jiem qabel l-elezzjonijiet. Lura fil-bidu tat-terminu tagħna, il-KSU laqa’ b’entużjażmu l-introduzzjoni ta’ liġi li tixhed il-valuri soċjali ta’ żmienna, qed nirreferi għal-liġi tal-Unjonijiet Ċivili. Dan witta t-triq biex inkomplu nsaħħu s-sinsla soċjali ta’ pajjiżna – il-ġustizzja soċjali - fejn ma nistaqsux: int min int? jew x’int? iżda: X’kapaċi tagħmel? Il-KSU jħaddan id-diversità! It-trasport huwa wkoll impenn li ħadna bis-serjetà. Nhedejna ħafna skemi min-naħa tagħna. Bi kburija inħabbar li l-fond ta’ €10,000 dedikat biex iħeġġeġ lill-istudenti jirkbu tal-linja, tqassam kollu (iktar minn €12,000). Din l-iskema tat skont ta’ 50% fuq biljett ta’ 90 jum lil kull applikant. Dan il-fond ma kienx jkun possibli mingħajr l-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-Trasport Pubbliku.  Nieħu l-opportunità biex nappella l-Gvern, partiti politiċi kif ukoll l-awtoritajiet konċernati biex jingħaqdu flimkien u jikkunsidraw il-possibilità biex tiġi organizzata Konferenza Nazzjonali dwar it-Trasport u l-Aċċessibiltà. X’qed nistennew? Żgur, aktar investiment fir-riċerka u l-isport fi ħdan l-Università ta’ Malta!” 

Michael Briguglio – Kummentatur Politiku

Il-Gvern Laburista introduċa riformi bżonnjużi bħall-aċċess universali għac-childcare u drittijiet ċivili. Għandu miri speċifiċi fil-qasam edukattiv u jagħraf li s-soċjetà hija karatterizzata minn diversità, per ezempju, fil-familja. Pajjiżna mhux se jibqa’ dipendenti fuq iż-żejt u għadu jgawdi l-istess stabbilità ekonomika li kienet teżisti taħt Gvern preċedenti, minkejja t-taqlib u l-kriżijiet ekonomiċi f’pajjiżi oħra qrib Malta.

Min-naħa l-oħra, jidher li pajjiżna huwa wisq dipendenti fuq il-kostruzzjoni, u jidher li ser isir wisq dipendenti fuq forzi barranin fil-qasam tal-enerġija. In-nuqqas ta’ meritokrazija u ta’ trasparenza jikkaraterizzaw oqsma varji ta’ governanza. Fil-qasam ambjentali, speċjalment fejn jidħol żvilupp, dan il-Gvern mhux qed jagħti importanza għas-sostenibbilità u l-kwalità tal-ħajja. Jidher li qed jimxi paripassu mal-interessi ta’ żviluppaturi kbar.  Il-poplu ma vvutax lill-Partit Laburista fil-Gvern dan ifakkarna fil-gvern preċedenti kull meta jiġi kritikat.

More in Politika