Iż-żieda fil-ġid nazzjonali laħqet l-4%

Fl-aħħar kwart tal-2014, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kompliet tirranka. Statistika uffiċjali turi li ż-żieda fil-ġid nazzjonali laħqet l-4%, l-ogħla rata osservata mill-bidla tal-amministrazzjoni.

 Ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku li ra pajjiżna kienet aktar minn tliet darbiet il-medja Ewropea, 1.3%. Din l-aċċelerazzjoni ekonomika kienet dovuta għal diversi fatturi, primarjament kienet xprunata minn żieda qawwija ta’ €53 miljun fl-investiment u minn tkabbir ta’ €52 miljun fil-konsum privat. Matul l-istess żmien id-dħul tal-ħaddiema għola b’madwar €49 miljun, filwaqt li l-ażjendi kellhom żieda fil-profitti ta’ €45 miljun.
 
Meta wieħed iħares lejn is-sena 2014 kollha kemm hi, pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku ta’ 3.5%, kontra 2.5% fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. It-tkabbir ekonomiku li ġie osservat huwa ogħla mit-tbassir riċenti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Fitch Ratings, li kienu bassru tkabbir ta’ 3.3%, 3.1% u 3.4% rispettivament. Hija wkoll rata ferm ogħla wkoll minn dik imbassra mill-Bank Ċentrali u l-Ministeru tal-Finanzi, 3.1%, u mill-EY, 2.7%.
 
Ta’ min ifakkar li fil-pjan ekonomiku li kien ippublika waqt l-aħħar kampanja elettorali, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien indika li l-mira ta’ tkabbir ekonomiku tiegħu għall-2014 kienet 2.4%. Dakinhar il-Kap tal-Oppożizzjoni kien kiteb li, anke fl-aktar xenarju ottimista, r-rata ta’ tkabbir fl-2014 ma setgħetx tkun aktar minn 3%.
 
F’termini nominali, matul l-2014, il-ġid nazzjonali zdied bi €390 miljun, jew 21% aktar milli kien żdied fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. L-akbar differenza kienet fl-andament tal-oqsma tal-ħwienet u tal-lukandi, fejn il-valur miżjud kien €150 miljun ogħla milli kien fl-2012, jiġifieri titjib ta’ 11%. Fl-istess ħin, kien hemm ukoll żieda qawwija fis-settur tas-servizzi professjonali u tekniċi, bi tkabbir ta’ €150 miljun jew titjib ta’ 21% fuq l-2012.
 
Anke fis-settur tal-informatika u komunikazzjoni kien hemm tkabbir ta’ 24% fl-ewwel sentejn ta’ din l-amministrazzjoni, b’żieda fil-valur miżjud ta’ €80 miljun. Fl-online gaming it-tkabbir kien ta’ €60 miljun, jew kważi 10%.
 
Filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tipprova tagħti l-impressjoni li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna ġej minn spiża ogħla tal-Gvern, l-istatistika uffiċjali turi li l-proporzjon fil-valur miżjud tal-amministrazzjoni pubblika, saħħa u edukazzjoni baqa’ stabbli, 19%, bejn l-2012 u l-2014. L-istess meta tħares lejn indikatur ieħor, il-proporzjon tal-konsum tal-Gvern fil-ġid nazzjonali. Dan baqa’ stabbli fil-livell ta’ 20%. B’kuntrast, l-investiment laħaq €1.5 biljun, jew 19% ogħla mill-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
 

More in Politika