Simon Busuttil irid jistenna r-riżultat tal-investigazzjoni

Il-każ tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni mill-MInisteru ta' Għawdex

Il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-eks ministru għal Għawdex Giovanna Debono ċaħdet l-allegazzjonijiet kollha, u għalhekk, se jistenna r-riżultat tal-investigazzjoni tal-pulizija qabel ma jiddeċiedi x'azzjoni se jieħu, jekk stess jieħu xi azzjoni.

Dan qalu meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fit-tnedija tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali, Busuttil kompla jgħid li hu sema' għall-ewwel darba bil-każ, mir-rapport li ħareġ il-ġurnal MaltaToday.

Busuttil qal ukoll li wara l-elezzjoni tal-2013, numru ta' kuntratturi avviċinawh dwar xi xogħlijiet li saru li iżda l-pagamenti tagħhom qatt ma waslu.

 "Giovanna Debono kategorikament ċaħdet li kienet taf bl-allegazzjonijiet li qed isiru. Nistenna r-riżultat tal-investigazzjoni tal-pulizija u nibbaża d-deċiżjoni tiegħi fuq dan," kompla jgħid li dan se jirrifletti "l-istandards politiċi li għamel."

 Minkejja dan, Busuttil qal li l-Prim Ministru qed juża din l-istorja sabiex jinħeba mill-iskandlu ta' Cafè Premier.

 "Nappella lill-ġurnalisti indipendenti biex ma jħallux lil Muscat jimmanipulahom, u jiddevja l-attenzjoni mill-iskandlu ta' €4.2m ta' Cafè Premier."

"Hu kien involut direttament fin-negozjati. Joseph Muscat għandu jirreżenja," temm jgħid Busuttil. 

More in Politika