Għall-ewwel darba wara 61 sena intfiet il-power station tal-Marsa. F'attività fil-power station tal-Marsa stess, li għaliha attendew rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-lokalità u l-inħawi, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din kienet ġurnata li fiha l-pajjiż kollu, speċjalment in-naħa t'isfel, qed jieħu nifs qawwi. Huwa saħaq li dan il-pass ikompli jressaqna lejn pajjiż verament Ewropew u li hija ħolqa oħra f’katina biex il-ġenerazzjoni tal-elettriku ssir b’mod iktar affordabbli, ambjentalment iktar nadifa għal uliedna u b’Enemalta iktar b'saħħitha. Qal li, wara din il-kisba, issa nħarsu ’l quddiem lejn ħajja aħjar għall-Marsa u ż-żona tal-madwar.
Fl-istess attività tkellem ukoll il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, fejn fost l-oħrajn semma' t-tbatijiet li għaddew minnhom ir-residenti tal-Marsa u anke r-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta fosthom b’mard respiratorju u trabijiet fl-arja. Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dan huwa vjaġġ li qed iwassal biex jinqata’ l-użu tal-Heavy Fuel Oil darba għal dejjem minn pajjiżna. Huwa saħaq kif permezz tal-energy mix li se jkun qed ikollu l-pajjiż se jwassal biex tiżdied l-effiċjenza u b’hekk pajjiżna jilħaq il-miri tiegħu.