Sentejn wara - Eżaminata t-tmexxija ta' Partit Laburista

L-edizzjoni ta' din il-ġimgha ta' Reporter eżaminat is-sentejn ta' gvern Laburista mal-mistednin Gejtu Vella, Robert Musumeci, Michael Briguglio u Josef Caruana.

Sentejn ilu, b'maġġoranza ta' 36,000 vot, il-Partit Laburista jieħu r-riedni tal-pajjiż f'idejh. Il-programm Reporter ilbieraħ ħares lejn il-prestazzjoni ta' dan il-gvern, flimkien mal-mistiedna Gejtu Vella, Robert Musumeci, Josef Caruana u Michael Brigulio.

L-editur tal-Orizzont, Josef Caruana faħħar il-wegħda li żamm Joseph Muscat sabiex inaqqas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

Min-naħa tiegħu, l-ex segretarju ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella saħaq li l-Partit Laburista ma żammx l-islogan li biha rebaħ l-elezzjoni tal-2013, "Malta Tagħna Lkoll" - u li f'sentejn ta' gvern Laburista il-valuri tal-meritokrazija, tal-kontabilità u tat-trasparenza ma ġewx implimentati. Vella semma' dawk in-Nazzjonalisti li ħassew li għandhom  jaraw x'joffri l-Partit Laburista - u b'hekk qelbu l-partit għall-interess tagħhom. Semma' li l-ġid komuni ma jidhirx li għadu prijorità, u li kien hemm numru ta' nazzjonalisti li taw darhom lil Partit Nazzjonalista minkejja li mexxa pajjiż waqt riċessjoni ekonomika li ma laqtitx lil Malta daqs kemm intlaqtu pajjiżi oħra.

L-ex Mexxej tal-Alternattiva Demokratika u soċjologu Michael Briguglio qal li l-meritokrazija huwa punt ta' dgħufija għal dan il-gvern, u staqsa jekk il-meritokrazija u t-tmexxija tajba għandhomx jitpoġġew 'l isfel fil-lista tal-prijoritajiet. Briguglio għaraf li l-ekonomija stabbli, u ż–żieda fid-drittijiet ċivili kif ukoll servizz ta' ħarsien tat-tfal b'xejn jikkontribwixxu għall-maġġoranza li l-Partit Laburista għad għandu fost l-elettorat. 

Huwa żied jgħid li l-Partit Laburista donnu aktar moħħu biex iqabbel lilu nnifsu mal-amministrazzjoni preċedenti mmexxija minn Lawrence Gonzi. Ikkummenta dwar il-fatt li Muscat wiegħed stil ta' tmexxija ġdida - u mhux tmexxija li f'nofs id-diskorsi tagħha tqabbel lilha nnifisha ma' gvern preċedenti.

L-ex sindku tal-Partit Nazzjonalista, Robert Musumeci li llum huwa konsulent tal-gvern fuq l-ippjanar qal li fil-verità, Joseph Muscat huwa akbar mill-Partit Laburista. Huwa tkellem fuq Joseph Muscat bħala Prim Ministru li rnexxielu jiġbed lejh nies li għalkemm ma jidentifikawx ruħhom mal-ideali tal-Partit Laburista, jidentifikaw ruħhom mal-politika ta' Joseph Muscat. Huwa semma' it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, kif ukoll il-qligħ mistenni mill-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment.

Il-mistednin ġew mistoqsija wkoll dwar il-bailout ta  €4.2 miljun ta' Cities Entertainment, is-sidien tal-Café Premier.

Briguglio, fost l-oħrajn, qal li l-Gvern qed jgħid taħt dan il-gvern, in-negozji l-kbar għandhom aktar privileġġi miċ–ċittadini, fuq livell ambjentali. Din kienet kumpanija li falliet li ġiet salvata mill-gvern - bi flus li setgħu intefgħu fuq toroq, jew biex jagħtu appoġġ lil dawk li qegħdin fuq paga minima.

Caruana saħaq li l-unika żball ta' Muscat kien li ħallas il-flus biex jieħu lura art li kienet tal-gvern.

Musumeci ddefenda t-tmexxija Laburista dwar il-politika ambjentali u tal-ippjanar, meta qal li l-proċeduri tal-MEPA kienu aktar razzjonali. Gvern preżenti qed jindirizza konċessjonijiet li, għalkemm imdaħħlin b'buona fede mill-gvern preċedenti, joħolqu nuqqas ta' ċertezza legali - "Il-Gvern, b'rieda tajba ħareġ numru ta' konċessjonijiet. Jagħmel tajjeb il-Gvern jekk jindirizza dak il-vojt legali li hemm."

 

More in Politika