L-UE mħassba dwar il-preżenza dejjem tikber ta’ elementi jiħadisti fil-Libja

Marlene Mizzi tesprimi t-tħassib tagħha fuq il-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja

Marlene Mizzi tesprimi t-tħassib tagħha fuq il-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja
Marlene Mizzi tesprimi t-tħassib tagħha fuq il-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja

Marlene Mizzi llum tenniet it-tħassib tagħha fuq il-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja u li huwa ż-żmien opportun li l-Ewropa fl-aħħar tirrikonsidra il-politika tagħha dwar is-sigurtà u d-difiża billi tieħu r-responsabbiltà kollha għas-sigurtà mhux biss fil-Libja, iżda wkoll fir-reġjun tal-Mediterran kollu.   L-MEP Laburista kienet qed tikkummenta fi Strasburgu wara risposta mir-Rappreżentanta Għolja tal-UE Federica Mogherini fuq il-kunflitti ċivili fil-Libja, partikularment wara l-avvanz inkwetanti tal-ISIS fit-territorju Libjan.

Marlene Mizzi kienet staqsiet lill-Kummissjoni x’passi kienet se tieħu biex ittejjeb is-sitwazzjoni fil-Libja, speċjalment wara d-dehra tal-bnadar suwed tal-ISIS madwar Tripli. L-eskalazzjoni fil-Libja titlobna nevalwaw ir-rwol tal-Ewropa biex tindirizza l-isfidi ġodda għas-sigurtà tagħha. Sabiex tinħoloq unjoni ta’ prosperita’ u stabbilita fil-konfini tagħna, hemm bżonn nadattaw għal sfidi ġodda għas-sigurtà, bħan-numru dejjem jikber ta’ ġellieda tal-Istat Islamiku li qed jikkmandaw fi Tripli u bliet oħra Libjani, qalet l-MEP Mizzi.

Fir-risposta tagħha, Federica Mogherini qalet li l-UE hija mħassba ħafna dwar rapporti li jindikaw preżenza dejjem tikber ta’ elementi jiħadisti fil-Libja, speċjalment fir-reġjun taċ-Ċirenajka (Lvant), kif ukoll fil-Punent. Il-Kunsill Iżlamiku taż-Żgħażagħ Shura ġewwa Derna pubblikament stqarr l-alleanza tiegħu ma’ l-ISIS f’Novembru 2014. Għaqdiet Mhux-Governattivi internazzjonali ddokumentaw il-qtugħ ir-ras ta’ tliet residenti ta’ Derna f’dawk li jidhru li huma reati tal-gwerra, kif ukoll egħxieren ta’ dak li jidher li hu qtil politikament motivat ta’ uffiċjali pubbliċi, imħallfin u membri tal-forzi tas-sigurtà.

L-UE qiegħda tappoġġja il-proċess immexxi min-Nazzjonijiet Uniti biex jinbeda djalogu bejn in-naħat involuti fil-ġlied fil-Libja, u taqbel mat-triq inklussiva meħuda min-NU dwar il-partiċipanti f’dak li hu magħruf bħala l-‘Proċess Gadhames II’. Fl-istess waqt, l-UE temmen li gruppi bħal dawk li qed jitterrorizzaw il-popolazzjoni f’Derna poġġew lilhom infushom barra mix-xenarju politiku u m’humiex eliġibbli biex jieħdu sehem fl-ebda taħdidiet.

Fir-reazzjoni tagħha għal din ir-risposta fi Strasburgu, Marlene Mizzi qalet li sfortunatament ma kien hemm l-ebda risposta komprensiva dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, u partikularment fuq il-presenza dejjem tikber ta’ elementi jiħadisti. It-theddida fil-qrib titlob għal żieda immedjata fil-kapaċitajiet difensivi tal-Ewropa. “Diġà kkritikajt il-presidenza tal-Latvja talli rrifjutat li tindirizza kwistjonijiet urġenti li jaffettwaw ir-reġjun tan-nofsinhar tal-Mediterran, fejn il-lista ta’ kriżijiet għaddejjin bħalissa li jinkludu l-Libja, l-Eġittu, u s-Sirja se jkomplu jikbru din is-sena. Madankollu, xorta għadni nittama li l-Kummissjoni tinvesti iktar enerġija u poteri biex ittejjeb l-istabbilita tar-reġjun Mediterranju kollu”, qalet l-MEP Mizzi.

 

More in Politika