L-istrateġija tal-UE dwar il-Libja

Hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu jafu x'inhi – Roberta Metsola

Hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu jafu x'inhi – Roberta Metsola
Hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu jafu x'inhi – Roberta Metsola

Il-MPE Roberta Metsola intervjeniet u wasslet biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiddaħħal fl-aġenda tal-plenarja tal-Parlament Ewropew ta' din il-ġimgħa.

Hija u tagħmel sejħa għad-dibattitu, Metsola sostniet li hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu jafu x'inhi l-istrateġija tal-UE dwar il-Libja, partikularment fir-rigward tal-proċess li għandu l-għan li jwassal għall-ħolqien ta' Gvern wieħed Libjan, l-immigrazzjoni u s-sigurtà fir-reġjun kollu kemm hu. It-talba tagħha ġiet aċċettata minn maġġoranza ta' MPE u s-suġġett ġie miżjud mal-aġenda fl-aħħar minuta.
 
Waqt id-dibattitu, li sar mar-Rappreżentanta Għolja tal-UE Federica Mogherini, Roberta Metsola għamlet enfasi fuq il-fatt li l-fazzjonijiet differenti fil-Libja għadhom ma laħqux ftehim fuq Gvern wieħed fi ħdan it-taħdidiet immexxija mill-Ġnus Magħquda, li jfisser li għad hemm nuqqas ta' sigurtà fil-pajjiż, u dan qed tagħti lok għal gruppi terroristiċi, bħall-Istat Iżlamiku, sabiex jikbru fil-pajjiż.

"L-UE għandha rwol importanti f'dawn it-taħdidiet. L-organizzazzjonijiet terroristiċi jistgħu biss jiġu megħluba b'mod effettiv jekk il-Libja tkun b'saħħitha u magħquda. Iridu jkunu l-Libjani nfushom li jieħdu r-riedni tad-destin tagħhom f'idejhom," qalet Metsola.

Hija għamlet enfasi wkoll fuq il-fatt li l-politiċi iridu jogħqodu attenti li ma jpinġux il-ġlieda kontra t-terrur bħala waħda bejn ċ-ċivilizzazzjonijiet: "Ikun żball jekk inqisu l-ġlieda kontra l-ISIS bħala battalja bejn reliġjonijiet differenti. L-ISIS ma tirrapreżentax l-Iżlam. Din hija ġlieda kontra l-estremisti li qed jabbużaw minn reliġjon."

Roberta Metsola għamlet sejħa biex l-UE tkun ippreparata u jkollha l-kuraġġ li tħares lejn kull possibilità li tista' tagħmel użu minnha, u qalet li "is-sitwazzjoni fil-Libja qed tevolvi b'mod mgħaġġel. Eluf ta' nies jinsabu f'riskju li jiġu spustati u ser jaħarbu mit-terrur u l-vjolenza b'kull mod possibbli; il-flussi migratorji ser ikomplu jippersistu".

Żiedet tgħid li "Irid ikollna l-kuraġġ li nħarsu lejn kull possibilità li l-Unjoni Ewropea tista' tagħmel użu minnha. Dan jinkludi li nikkunsidraw iċ-ċaqlieq tal-assi għall-Mediterran biex jiġu salvati l-ħajjiet u tiżdied is-sigurtà, jew per eżempju li naraw kif nistgħu nagħmlu użu minn leġiżlazzjoni bħad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li r-responsabbiltà tinqasam b'mod ġust bejn l-Istati Membri."
 
Roberta Metsola laqgħet il-fatt li l-kwistjoni dalwaqt ser tiġi diskussa mill-Prim Ministri u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin u enfasizzat li għandha tibqa' fuq nett tal-aġenda tal-UE.

 

More in Politika