Il-PN jrid lura b’saħħa erba’ kunsilli
F'Għawdex Il-PN jittama aktar fuq il-votanti Maltin milli fuq l-Għawdxin
More in Politika
F'Għawdex Il-PN jittama aktar fuq il-votanti Maltin milli fuq l-Għawdxin
Minn informazzjoni interna li għandha f’idejha din il-gazzetta, jidher li l-Partit Nazzjonalista għandu tragward importanti quddiemu fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, hekk kif esponenti fi ħdan il-partit qed jippressaw biex il-PN jieħu lura dak li tilef tliet snin ilu.
Dawn l-esponenti jridu l-partit jerġa’ jirbaħ il-Kunsilli ta’ San Pawl il-Baħar, ta’ Ħal Safi, tax-Xagħra Għawdex u Tal-Qala li kien tilfu għal seba voti biss.
“Jekk jirnexxilu jirbaħ dawn il-Kunsilli jkun ifisser li l-partit għamel passi kbar ’il quddiem.” Dan qaluh sorsi li tkellmu mal-ILLUM. Intant, wieħed jinnota li fuq is-siti elettroniċi u fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista, wieħed jaqra stejjer kontinwament fuq dawn l-erba’ lokalitajiet b’dak ta’ San Pawl il-Baħar l-aktar li qed ikun fil-mira bl-eks sindku tal-Partit Nazzjonalista, Graziella Galea (bint id-deputat Ċensu Galea) li taħdem bla heda biex terġa’ tieħu s-siġġu li tilfet tliet snin ilu.
Dan l-aħħar feġġ ukoll il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil fir-raħal ċkejken ta’ Ħal Safi fejn anke hawn il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem bis-sħiħ billi jelenka dak li ma sarx jew dak li sar u ma qablux miegħu, biex Pietru Pawl Busuttil, l-ikona tagħhom f’Ħal-Safi jerġa’ jieħu postu.
F’Għawdex il-battalja kbira qegħdha fuq żewġ lokalitajiet li huma Qala li tliet snin ilu tilfuh għal 7 voti u li jmexxi dan il-kunsill hemm iż-żagħżugħ promettenti Laburista, il-perit Clint Camilleri. Qed jissemma’ li fil-Qala hemm familja kbira li 3 snin ilu tat il-voti tagħha lil Partit laburista imma sorsi infurmati sew qalulna li dawn mhux kuntenti b’dak li sar magħhom f’dawn it-tliet snin u qed jissemma’ li dawn jistgħu jaqilbu l-voti tagħhom fuq il-Partit Nazzjonalista li jagħti s-sindakat għal darb’oħra lil Partit Nazzjonalista. Pawlu Buttigieg li din id-darba qed jikkontesta miegħu ibnu Karl qed jittama li jerġa’ jirbaħ is-siġġu li tilef tliet snin ilu għal 7 voti.
Fix-Xagħra l-battalja hi aktar missielta għax is-sindku Joe Cordina hu personaġġ maħbub mix-Xagħrin u qed isir xogħol strutturali fil-pjazza u t-torq Xagħrin mill-Gvern li jkompli jgħin biex din il-lokalità tibqa’ taħt sindku Laburista. F’din il-lokalità l-Partit Nazzjonalista qed ikabbar it-tama tiegħu aktar fuq il-votanti Maltin milli fuq dawk Għawdxin. Hawnhekk il-battalja hi ħarxa fejn iż-żewġ partiti għandhom żwiemel fuq quddiem nett tat-tiġrija. Il-Laburisti għandhom lil kandidat għall-elezzjoni ġenerali, Joe Cordina u liċ-chief of staff tal-ministeru ta’ Għawdex in-Nutar Christian Zammit li wkoll jista’ jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Filwaqt li n-Nazzjonalisti għandhom fuq quddiem liż-żewġ kandidati għall-elezzjoni Ġenerali li jmiss, iż-żewġ avukati Kevin Cutajar u ż-żagħżugħ Joseph Attard (tal-qaddis).
Fir-Raħal tax-Xagħra hemm madwar 500 vot ta’ Maltin irreġistrati f’dan ir-raħal li l-maġġoranza tagħhom huma ta’ tendenzi Nazzjonalista u billi l-elezzjoni se ssir f’April ikun mistenni temp sabiħ, dawn jitilgħu jivvutaw fejn jistgħu jibdlu s-sindakat. Hu fatt li tliet snin ilu l-elezzjoni kienet saret f’ġurnata ta’ maltemp u ftit jew xejn kienu telgħu Maltin jivvutaw. Dan kollu jfisser li t-temp, fix-Xagħra, jista’ jagħmel id-differenza.
Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM