l-Isptar ta’ Għawdex jista’ jiġi privatizzat

Konrad Mizzi ħarab mill-mistoqsija Parlamentari li għamillu Chris Said

 

 

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jissemma’ li jista’ jiġi privatizzat kollu jew parti minnu. Huma d-diversi ħaddiema li jaħdmu hemm li qed juru tħassib dwar dak li qed jingħad fil-kurituri tal-isptar. Jidher li xi ħaġa qed tinħema dwar x’se jiġri minn dan l-isptar fejn ilu jissemma’ ħafna li hemm bżonn li l-isptar kollu inkella parti minnu jsir għal speċjalizazzjoni f’diversi mard. Qed jissemma’ ħafna li dan l-isptar ikun ċentru speċjalizzat fil-mard tal-qalb.

 

Ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, il-ġimgħa li għaddiet għamel mistoqsija parlamentari lil Ministru tas-Saħħa u Enerġija Konrad Mizzi fejn staqsih jekk jistax jagħti assigurazzjoni li l-ebda parti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’hi se jiġi privatizzata jew ser tibda titħaddem mill-privat.

 

Il-Ministru Konrad Mizzi donnu ħarab mill-istess mistoqsija meta wieġeb li l-Gvern hu determinat li jkompli jtejjeb is-servizz tas-saħħa għal pazjenti Maltin u Għawdxin. F’sentenza qasira u xotta qal ukoll li se jibqa’ jagħti dan is-servizz bla ħlas. Fl-ebda ħin ma innega dak li kien qed jimplika d-deputat Nazzjonalista Għawdxi, ħlief li ried iserraħ moħħ il-poplu Għawdxi li s-servizz se jibqa jingħata b’xejn.

 

Dan l-aħħar il-Ministeru tas-Saħħa beda jattwa politika ta’ PPP (private partnership policy) f’xi polikliniċi li jitħaddmu minn kumpaniji privati, iżda s-servizzi jibqgħu jingħataw b’xejn xorta waħda lil poplu, bħal fil-każ tal-poliklinika ta’ Bormla.

More in Politika