Il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ lil dawk kollha li għandhom informazzjoni dwar xogħol imħallas mill-gvern li sar għal privat f'Għawdex jitkellem fejn assigura li min jitkellem ikun protett bil-liġi tal-Whistleblower. Dan qalu waqt li kien qed jindirizza attivita fix-Xagħra Għawdex.
“Ejja ħalli ssir ġustizzja. Ejjew b'kull informazzjoni li għandkom u aħna ninvestigaw. Anke dawk li kienu nvoluti u jitkellmu jkunu protetti bil-liġi tal-whistleblower."
Kien whistleblower li tkellem u kixef skema li kienet tinvolvi kuntratturi privati li kienu kummissjonati minn Anthony Debono li kien impjegat mill-ministeru ta' Għawdex biex jagħmlu xogħol ta' kostruzzjoni f'barrieri, djar privati, toroq u garaxxijiet ta' kostitwenti u jħallas kollox il-gvern. Debono hu r-raġel tal-eks ministru għal Għġawdex, Giovanna Debono.
L-ebda offerti ma ħarġu u l-kuntratturi qas kellhom ittri ta' aċċettazzjoni li juru x-xogħol li għamlu.
Bie xjitħallsu l-kuntratturi privati riedu joħorġu kont lil ministeru għal Għawdex ta' xogħol li huma ma jkunux għamlu fuq proġetti oħra li jaqgħu taħt id-dipartiment tal-ministeru għal Għawdex li Anthony Debono kien imexxi. Il-materjal kollu kien provdut mill-ministeru stess li jinkludi cement, ġebel u metall.