Id-dritt li żgħażagħ ta’ sittax-il sena jivvutaw għall-ewwel darba

Elezzjonijiet Kunsilli Lokali 2015

F’għeluq l-għoxrin sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, Malta ħa tkun it-tieni pajjiż fl-Ewropa, flimkien mal-Awstrija li tagħti liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dan ifisser li f’April li jmiss dawn iż-żgħażagħ ħa jkollhom id-dritt li jiddeċiedu min, għallinqas fuq livell ta’ Kunsill Lokali, jirrappreżentahom. 

Kampanja li tinvolvi ż-żgħażagħ, li qed tiġi rreklamata bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ. Fuq il-media soċjali bdejna naraw il-kampanji bħal #FirstTime u #BeTheChange – mezz ukoll ta’ kif tinxtered il-kuxjenza fuq il-media soċjali – żgur mhux forsi l-akbar pjattaforma fost iż–żgħażagħ. 

Min jgħid li għadhom żgħar wisq, min jgħid li Kunsill Lokali biss mhux biżejjed, min jgħid li dan pass li missu li ilu li sar, u min jistaqsihom biex ma jiddiżappuntawx – li hu żgur huwa li dan huwa pass li jitniżżel fl-istorja ta’ Malta. 

Anke l-Prim Ministru Joseph Muscat din il-ġimgħa tkellem dwar iż-żgħażagħ waqt numru ta’ attivitajiet. Hu qal li l-ikbar att ta’ fiduċja min-naħa tal-Partit Laburista fil-gvern kien li fil-11 ta’ April qed jingħata d-dritt li żgħażagħ ta’ sittax–il sena jivvutaw għall-ewwel darba. Il-Prim Ministru qal li f’dan il-lat, Malta qed tkun wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li qed tagħti dan id-dritt u għalhekk ħeġġeġ liż-żgħażagħ kollha sabiex joħorġu jivvutaw. 

Muscat qal ukoll li 58 minn fost il-177 kandidat li se jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Laburista huma kollha żgħażagħ. Hu semma’ kif din hija l-akbar rata ta’ żgħażagħ li qatt ġiet ippreżentata fl-istorja tal-Partit Laburista. Tkellem ukoll dwar il-garanzija taż-żgħażagħ fejn qal li biha l-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas b’terz u minn kull 100 żagħżugħ, 75 qed isibu xogħol mill-ewwel.

L-ILLUM ħadet il-kummenti ta’ xi wħud li huma involuti direttament fil-ħidma maż-żgħażagħ, kif ukoll fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali f’Malta:

David Agius

Shadow Minister għall-Kunsilli Lokali

“Aħna minn dejjem kellna fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u fid-diskussjonijiet biex ż-żgħażagħ Maltin jingħataw l-vot ta’ 16 fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Jien dejjem tkellimt dwar l-fatt li għandu jkollna aktar fiduċja fiż-żgħażagħ u emmint li dawn għadhom ukoll jivvutaw fl-Elezzjonijiet Generali u Ewropej. Dan ifisser li anke f’referendum ż-żgħażagħ tagħna għandhu jkollom d-dritt li jivvutaw. Dan hu referendum li ser jolqot b’mod dirett liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin u allura għandhom jesprimu ruħhom.

Dan għandhu jkun proċess edukattiv. Hemm bżonn riklami edukattivi fuq l-mezzi tax-xandir u direttament fl-istituzzjonijet edukattivi.

Min jipprova jsib xi forma ta’ skuża jew oħra jfisser li m’għandhux fiduċja fiż-żgħażagħ Maltin u m’għandux l-enerġija biex iwassal messaġġ liż-żgħażagħ li fil-11 ta’ April iridu jmorru jivvutaw dwar jekk titneħħiex deroga minn pajjizna jew le.

Jien nemmen li ż-żgħażagħ tagħna mhux biss għandhu jkollom d-dritt li jivvutaw iżda għandhom d-dmir li jitkellmu u jesprimu ruħhom dwar dak kollu li jkun qed jiġri madwarhom.

X’sens jagħmel għal żagħżugħ li jmur jivvota għall-Kunsilli Lokali u ma jingħatax l-vot tar-referendum tal-kaċċa? Maturi biex jagħżlu l-membri fil-Kunsill Lokali u mhux maturi biex jiddeċiedu dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa? Ma tagħmilx sens.”

Alex Saliba

President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti

Nemmen li l-għoti tal-Vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena għall-elezzjonijiet lokali huwa sinjal ta’ fiduċja fiż-żgħażagħ mill-Gvern preżenti. Nemmen ukoll li dan għandu jkun l-ewwel pass minn sensiela ta’ inizjattivi oħra li għandhom jittieħdu sabiex iż-żgħażagħ tagħna jingħataw aktar vuċi fis-sistema demokratika tagħna. Għalhekk nemmen li jekk iż-żgħażagħ joħorġu bi ħġarhom sabiex jivvutaw f’ dawn l-elezzjonijiet dan għandu jwassal sabiex ikollna aktar argumenenti favur vuċi akbar għaż-żgħażagħ kemm fuq bażi lokali, fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u anka fuq bażi nazzjonali f’Elezzjonijiet Ġenerali. 

Min-naħa l-oħra nemmen li fil-11 t’ April, bħala pajjiż, ser nkunu qed inservu ta’ eżempju għal pajjiżi oħra Ewropej; hekk kif Malta hija t-tieni membru fi ħdan l-Unjoni Ewropea li qed tagħti dan id-dritt liż-żgħażagħ tagħna. Niskanta biss bl-Oppozizzjoni Nazzjonalista li qed tikritika lil dan il-Gvern li qed jestendi dan id-dritt ghall-elezzjonijiet lokali biss f’ dawn l-elezzjonijiet li ġejjin. Dan huwa l-istess partit li għadu ġej minn 25 sena fil-Gvern fejn kellu legiżlatura wara l-oħra ċans sabiex jimplimenta dan id-dritt, u baqgħu qatt ma ħadu dan il-pass kuraġġuż. 

Għalhekk nerġa’ ntenni li din hija prova oħra ċara li dan il-Gvern huwa gvern li bil-fatti u mhux biss bil-kliem qed jafda liż-żgħażagħ Maltin u Ghawdxin. Dan hu gvern li qed iservi ta’ eżempju għall-pajjiżi oħra sabiex huma wkoll isegwu l-eżempju tagħna u jagħtu aktar vuċi liż-żgħażagħ tagħhom fis-sistema demokratika tagħhom.

Matthew Agius

President għall-MŻPN

L-MZPN nhieda kampanja #BeTheChange għaż-żgħażagħ f’dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Il-messaġġ huwa wieħed pożittiv u ċar - int għandek iċ-ċans tagħmel id-differenza, anzi tkun int id-differenza. Għandna nibdew bil-livell lokali u tkun int li bil-vot, bis-sehem jew saħansitra bil-kandidatura tiegħek, tagħmel id-differenza u ma taħlix din l-opportunità biex tibdel dak li tixtieq tara jinbidel.

Għall-ewwel darba, madwar 6,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ 16-il u 17-il sena se jkunu eligibbli li jivvutaw. Irridu naraw li dawn iz-żgħażagħ jibgħatu messaġġ qawwi li huma wkoll huma fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet ta’ pajjiżna. 

Bħala MZPN ninsabu kuntenti li hawn qbil nazzjonali dwar dan minkejja li din l-opportunità għaż-żgħażagħ ta’ 16 u 17 li se jivvutaw f’dawn il-Kunsilli Lokali kellha tiġi biss wara ħidma tal-Partit Nazzjonalista, għaliex dawn l-elezzjonijiet ma kinux se jseħħu li kien għal Partit Laburista fil-Gvern. Ninsabu wkoll urtati għall-fatt li dawn l-istess żgħażagħ u oħrajn tal-età tagħhom li m’għandomx elezzjonijiet tal-Kunsilli, ma ngħatalhomx id-dritt li jivvutaw fl-istess jum u fl-istess post tal-votazzjoni, għar-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa - irrelevanti humiex favur jew kontra. Deċiżjoni mhux logika għall-aħħar. Dwar dan kollu l-MZPN kien minn ta’ quddiem u jibqa’ koerenti llum u anke għada.

Dan l-ewwel vot għal żgħażagħ ta’ 16 u 17 jgib ‘il quddiem il-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ u għalhekk nappellawlhom biex jippartecipaw fl-elezzjonijiet bis-sħiħ. Din għandha tkun opportunità li tiftaħ bibien ġodda ġaladarba pajjiżna rrealizza li dawn iż-żgħażagħ għandom ikunu parti mid-deċiżjonijiet - nixtiequ naraw liż-żgħażagħ ta’ din l-età jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll permezz tal-kandidatura tagħhom, kif ukoll li jkollhom il-vot f’elezzjonijiet oħra ta’ livelli differenti. Dan għandu jwassal għal diskussjoni nazzjonali dwar liġijiet varji tal-kunsens u eliġibilità f’diversi aspetti ghall-età ta’ 16-il sena.

Dan huwa l-ewwel cans li jkunu l-bidla li jixtiequ jaraw, li tista’ tixpruna iżjed bidliet - għalhekk #BeTheChange

Jake Scerri

President tal-KSJC

Huwa d-dmir tagħna bhala kunsill li jirraprezenta lill-istudenti, sabiex insemmgħu leħen iż-żgħażagħ Maltin. Il-KSJC huwa kompletament favur li jingħata d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ sittax il-sena ‘l fuq għal diversi ragunijiet. 

L-ewwelnett iż-żgħażagħ tal-lum huma maturi biżżejjed sabiex jieħdu deċiżjonijiet u kapaċi jagħrfu u jirraġunaw fuq min għandu jmexxi l-lokalitajtiet tagħhom. Iż-żgħażagħ tal-lum moħħhom miftuħ minħabba l-faċilitajiet tal-internet u avvanzi fit-teknologija. Għalhekk għandhom ikollhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom mhux biss fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali iżda anke fir-referendum tal-kaċċa. 

Filwaqt li nemmen li ż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjizna, huma wkoll il-preżent u għalhekk kwistjonijiet bħal-kaċċa fir-rebbiegħa taffettwahom ħafna. Smajna ħafna lmenti mingħand studenti tal-Junior College li jixtiequ jivvutaw fir-referendum ukoll. Għandu jkollna soċjetà fejn iż-żgħażagħ ikunu inkluzi u kkonsultati fuq diversi affarijiet speċjalment dawk li jaffettwawhom direttament. 

Għandna nikkunsidraw ukoll li studenti jiġu mgħallma fuq id-demokrazija, kif timxi elezzjoni u l-famuż Ħelsien tal-Espressjoni. Dan ifisser li għandna biżżejjed informazzjoni u tagħrif ta’ kif għandna nevalwaw u niddeċiedu dwar il-vot. 

F’isem il-KSJC u l-istudenti tal-Junior College, nemmen verament li żgħażagħ bhalna jistghu jaghmlu differenza fil-pajjiz biex intejbu s-socjeta u naghtu garanzija li l-futur ta’ pajjiżna ikun sabiħ u siġur. Għalhekk nixtiequ li jkollna vuċi fi ġrajjiet kurrenti u elezzjonijiet li tant iħallu effett fuqna.

Marc Sant

President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

Il-fatt li żgħażagħ ta’ sittax-il sena jivvutaw huwa pożittiv għaliex qiegħed tqajjem interess ċiviku f’faxxa tas-soċjetà (jiġifieri żgħażagħ bejn sittax u tmintax-il sena) li b’mod ġenerali jkollha ideat ġodda, friski, innovattivi u li jmorru lilhinn mill-politika partiġġjana.

Min-naħa l-oħra, l-kandidati jkollhom joqgħodu iktar attenti u jagħtu iktar kas ta’ din il-faxxa fis-soċjetà u ta’ dak li jkunu qed jgħidu u jaħsbu.  B’hekk il-kandidat ikollu jkun lest, xi ftit jew wisq, li joħrog mill-comfort zone tiegħu u jagħti kas numru ġdid ta’ votanti li ħafna drabi ma jkunux partiġġjani u li jaraw l-affarijiet b’iktar ġenwinità u b’moħħ iktar miftuħ.

“58 minn fost il-177 kandidat li se jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Laburista huma kollha żgħażagħ” - Joseph Muscat

Meta jingħataw dan id-dritt iż-żgħażagħ ikunu qed jingħataw s-setgħa. Dan filwaqt li jkun qed jingħata l-messaġġ li ż-żgħażagħ bejn sittax u tmintax-il sena jistgħu jkunu maturi u li huma kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet.

B’hekk ukoll, il-kwistonijiet li jolqtu liż-żgħażagħ ikunu qed jitpoġġew fuq l-aġenda politika tal-lokal u tal-pajjiż b’mod ġenerali u allura jkunu qed jingħataw l-importanza li jixraqilhom.

Barra minn hekk, inħoss li l-messaġġ liż-żgħażagħ bejn sittax u tmintax-il sena għandu jkun wieħed pożittiv fejn f’dik l-età ferm importanti huma jagħrfu u jifhmu li fil-ħajja wieħed mhux biss għandu l-obbligi, iżda għandu wkoll id-dmirijiet u d-drittijiet tiegħu jew tagħha.

More in Politika