Donazzjoni ta' 130 ktieb mill-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni tagħmel donazzjoni ta' kotba lill-iskola St. Francis f'Birkirkara

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-MEP Therese Comodini Cachia għamlu żjara fl-iskola St. Francis f'Birkirkara sabiex jippromwovu kultura ta' qari. Busuttil faħħar ukoll ix-xogħol li qed isir fil-kunvent fit-tmexxija tal-iskola għad-dedikazzjoni u l-appoġġ tagħhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din iż-żjara kienet waħda partikolarment speċjali għalih minħabba li din l-skola kienet l-istess waħda li kien jattendi fiha hu meta kien tifel.

"Hi esperjenza unika li tkun tista' terġa' tmur lura lejn l-għeruq tal-edukazzjoni tiegħek, u jien għandi biss kliem ta' tifħir għas-sorijiet, ġenituri u għalliema li jagħtu l-kontribut tagħhom biex titkompla t-tmexxija effiċjenti tal-iskola."

Ix-shadow minister tal-edukazzjoni Therese Comodini Cachia kompliet billi qalet li temmen li waħda mill-isbaħ affarijiet li tista' tagħti lit-tfal hija l-imħabba għall-qari.

"Nemmnu li l-qari huwa l-bażi tal-edukazzjoni u aħna rridu nagħtu lil dawn l-istudenti l-imħabba għall-qari u nuruhom hemm jista' jkun sabiħ il-qari," żiedet tgħid Comodini Cachia.

Matul iż-żjara, l-Oppożizzjoni għamlet donazzjoni ta' numru ta' kotba bil-Malti lit-tfal tal-iskola, li inġabru biex jisimgħu lil Busuttil jaqralhom storja.

Busuttil kompla jgħid li l-Partit kien qed jagħti donazzjoni ta' 130 ktieb li ħafna minnhom kienu se jmorru għal-librerija tal-iskola biex ikunu jistgħu jgawduhom l-istudenti kollha.

Fi tmiem iż-żjara, it-tfal inġabru fis-sala biex jawguraw lill-Kap tal-Oppożizzjoni f'għeluq sninu.

More in Politika