Investiment ta' €200 miljun fl-isptarijiet t'Għawdex u San Luqa
L-iskola Medika Barts se tiftaħ l-ewwel kampus barra mill-pajjiż, f'Għawdex
More in Politika
L-iskola Medika Barts se tiftaħ l-ewwel kampus barra mill-pajjiż, f'Għawdex
L-iskola medika Barts se tkun qed tiftaħ l-ewwel kampus barra mill-Ingilterra f'Għawdex, waqt li se jkun hemm investiment ta' €200 miljun mis-settur privat li se jibdel l-Isptar Ġenerali t'Għawdex u l-Isptar San Luqa f'ċentri mediċi tal-ogħla kwalità.
L-investiment ta' €200 miljun mistenni li jtejjeb is-servizzi offruti fl-Isptar t'Għawdex u San Luqa u jġibuhom daqs jew aqwa mill-Isptar Mater Dei. Dan il-proġett tas-saħħa mistenni joħloq madwar 1,200 impieg.
Il-qbil li sar mal-Università Queen Mary ta' Londra ġie ffirmat dalgħodu f'ċerimonja mmexxija mill-Prim Ministru Joseph muscat u l-Professur Anthony Warrens, direttur tal-iskola medika Barts u The London School of Medicine and Dentistry.
Il-kampus f'Għawdex għandu jiftak f'Settembru tal-2016 u jilqa' fih madwar 300 student fuq perjodu ta' 5 snin.
Il-Ministru tas-saħħa Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għas-saħħa, Chris Fearne sostnew li s-servizz tas-saħħa ser jibqa' bla ħlas għall-Maltin.
Il-ministri spjegaw kif l-isptar privat ġdid ta' Għawdex, li se jkun kemm għall-Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jiġu f'pajjiżna għal raġunijiet mediċi, se jżid sostanzzjalment l-ammont ta' sodod fl-isptar.
"Il-pjan huwa li l-Għawdxin jirċievu s-servizzi kollha tas-saħħa li jkollhom bżonn, mingħajr ma jkollhom bżonn li jmorru Malta," qalu Mizzi u Fearne.
L-Isptar Karin Grech mistenni jsir sptar tal-ġerjatrija tal-aqwa livell b'270 sodda. Min-naħa l-oħra, l-isptar San Luqa se jiġi kkonvertit f'ċentru ta' rijabilitazzjoni, bl-aqwa faċilitajiet u servizzi.
Id-dipartiment tad-dermatoloġija se jiċċaqlaq mill-Isptar Boffa għall-Isptar San Luqa. Bl-investiment fl-Isptar San Luqa, għandhom jilħolqu 250 sodda għat-turiżmu mediku.
"Il-pazjenti dejjem jiġu l-ewwel. Għalkemm se jkunu mmexxija mill-privat, il-ħaddiema se jibqgħu impjegati mal-gvern," temm jgħid Mizzi.
Għal dan, il-Kamra tal-kummerċ Għawdxija laqgħet b'sodisfazzjon dan l-investiment li se jwassal għal ftuħ ta' skola medika u t-titjib tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
"Issa li l-isptar se jkun jesa' 450 sodda, il-popolazzjoni lokali se tkun moqdija aħjar u se tinfetaħ in-niċċa tat-turiżmu mediku għal Għawdex."
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kompliet tgħid, "Dawn iż-żewġ proġetti huma bżonnjużi f'Għawdex, għaliex mhux biss se jgħollu l-livell mediku ta' Għawdex imma jkunu sors ta' impjiegi ġodda u b'hekk jitwaqqaf milli aktar żgħażagħ jitilqu minn Għawdex.."
Min-naħa tagħha, il-Gozo Tourism Association (GTA) uriet is-sodisfazzjon tagħha bil-qbil ta' dan l-investiment li "se jkun pass 'il quddiem sabiex jistimula l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' Għawdex."