L-akkużi ta' tixħim mibnija fuq suspetti u mhux fatti - Busuttil

Busuttil itaffi l-akkuża ta' tixħim li għamel lill-Prim Ministru

Simon Busuttil waqt iż-żjara tiegħu fil-Parlament il-Ġdid
Simon Busuttil waqt iż-żjara tiegħu fil-Parlament il-Ġdid

Simon Busuttil taffa l-akkuża ta' tixħim li għamel lil Joseph Muscat fuq Timestalk, il-bieraħ fuq TVM. Waqt iż-żjara li għamel fil-bini l-ġdid tal-parlament, Busuttil qal li l-akkużi tiegħu kienu mibnija fuq suspetti, u mhux fuq fatti. Huwa qal li l-mod ta' kif dan il-gvern jitratta l-ftehim iqajjem suspetti ta' korruzzjoni u tixhim. "Il-Gvern mar l-Ażerbajġan mingħajr mezzi tax-xandir jew uffiċjali. F'dawn is-sitwazzjonijiet iqumu suspetti ta' korruzzjoni".

Busuttil qal ukoll li s-segretezza li fih ġie ffirmat Memorandum of Agreement bejn Malta u l-Ażerbajġan qajjem suspetti, u li s-segretezza tal-Gvern fuq il-bailout ta' €4.2 miljun għal Cafè Premier ukoll qajjem suspetti simili. "Dawk li għandhom x'jaħbu jżommu dawn l-affarijiet moħbija", tenna Busuttil.

Busuttil dar mal-parlament l-ġdid - bini li ħa jibda jintuża fl-4 ta' Mejju u li fih faċilitajiet ġodda, bħall-mezz biex l-MP jirreġistraw l-attendenza tagħhom  b'mod eletroniku kif ukoll servizzi għall-interpretar fil-plenarji u l-laqgħat tal-kumitat.

Busuttil, filwaqt li stqarr li "hu kburi b'din is-sbuħija tal-proġett ta' Renzo Piano", rega' stqarr li ma jaqbilx mal-fatt li l-Monti ħa jiċċaqlaq fi Triq L-Ordinanza, fejn qal li hu "insult għall-proġett u għall-kultura ta' dan in-nazzjon."

More in Politika