L-Oppożizzjoni trid iktar informazzjoni

L-Oppożizzjoni tistenna aktar informazzjoni dwar il-ftehim fis-servizz tas-saħħa

L-Oppożizzjoni tgħid li trid aktar informazzjoni fejn jidħol il-każ tal-investiment fis-settur tas-saħħa li ġie mħabbar iktar kmieni illum. Fi stqarrija, Claudette Buttigieg, ix-shadow minister tas-saħħa qalet li l-Oppożizzjoni qed tistenna iktar dettalji dwar il-ftehim li l-Gvern laħaq mal-privat.

L-istqarrija tgħid ukoll li hi min-naħa tagħha mhix kontra l-investiment mal-privat fis-settur tas-saħħa, fil-prinċipju."Fil-fatt, ftehim ta’ dan it-tip saru fl-amministrazzjonijiet preċedenti u jibqgħu jsiru."

Minkejja dan, l-Oppożizzjoni turi t-tħassib tagħha meta tgħid li tinnota li l-maġġoranza tal-unions fis-settur ma kienux infurmati jew wisq aktar ikkonsultati dwar dan il-ftehim u għalhekk l-Oppożizzjoni tistenna li l-Gvern jagħti d-dettalji kollha.

Dwar is-sejħa għall-interess mill-privat biex ikun il-privat li jmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar San Luqa, l-Oppożizzjoni tistenna li wkoll jingħataw aktar dettalji, b’mod speċjali dwar entitajiet li jistgħu jkunu qed imexxu l-isptarijiet li fihom jingħataw il-kura l-pazjenti u l-morda tagħna.

More in Politika