L-UE issa qed titkellem ukoll fuq alternattivi differenti -JM

Joseph Muscat jipparteċipa fil-Kunsill Ewropew - fejn fost l-oħrajn, ġew diskussi l-enerġija u s-sitwazzjoni fil-Libja

Il-Kunsill Ewropew li  dan ix-xahar jiltaqa' il-bieraħ 19 ta' Marzu u llum 20 ta' Marzu
Il-Kunsill Ewropew li dan ix-xahar jiltaqa' il-bieraħ 19 ta' Marzu u llum 20 ta' Marzu

“Malta fil-fatt antiċipat l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea favur enerġija li tħammeġ inqas”,qal il-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif il-Kunsill Ewropew qed jiddiskuti l-istrateġija tal-enerġija. Huwa sostna li l-pjan tal-Gvern Malti f'dan is-settur taqbel perfettament mal-istrateġija Ewropea.

Joseph Muscat qal li l-ftehim li ġie diskuss u maqbul fuqu din il-ġimgħa jenfasizza l-importanza tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, fejn qal li din l-amministrazzjoni insistiet fuq din il-bidla mill-bidu tal-leġiżlatura, u bdiet timplimentaha fl-ewwel sentejn ta' tmexxija. Kompla biex jgħid li l-pjattaforma tal-gass fil-Mediterran hu settur importanti ħafna - inkluż il-bżonn ta' interkonnessjoni bejn żoni differenti fl-Ewropa.

Il-pakkett tal-unjoni tal-enerġija diskuss fis-Summit Ewropew isemmi l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tidħol fi ftehim dwar l-enerġija ma’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea fost oħrajn l-Ażerbajġan u pajjiżi oħra ta’ dik iż-żona bħat-Turkija u t-Turkmenistan. “L-Unjoni Ewropea diġà għandha ftehim mal-Ażerbajġan f’dan il-qasam imma issa l-Kummissjoni Ewropea trid tagħmel qbil tri-partite għall-konnessjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Ażerbajġan u t-Turkmenistan”, qal Muscat.

Suġġett ieħor li ġie disksus f'dan il-Kunsill Ewropew kien is-sitwazzjoni tal-Libja, fejn il-Prim Ministru qal li għad-diskussjoni hemm proposti li mbuttat Malta, flimkien mal-Italja. Huwa qal kif kellu diskussjonijiet informali mar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea Federica Mogherini dwar is-sehem tal-Unjoni Ewropea fil-Libja fil-qafas tat-taħditiet li qed isiru mal-mibgħut speċjali tal-Ġnus Maqgħuda Bernardino Leon.  
“Malta qed tinsisti li kull pass li jiġi maqbul għandu jsir taħt il-kappa tal-Ġnus Maqgħuda. F’ebda ħin m’għandha tkun impożizzjoni tal-Ewropa fuq il-pajjiżi Għarab”, qal il-Prim Ministru. Malta se tibqa tagħti l-kontribut tagħha għaliex f’dan il-qasam huwa importanti li taħdem iktar u titkellem inqas.

Muscat qal li l-Unjoni Ewropea issa qed titkellem, mhux biss fuq tama li jsir xi ħaġa, imma wkoll fuq alternattivi differenti għal pjani differenti.

More in Politika