Mużiċisti jniedu innu u vidjo għall-kampanja SHout

Gianni Zammit, Renzo Spiteri u Nick Morales flimkien għall-innu tal-kampanja Spring Hunting Out

Il-mużiċisti Gianni Zammit u Nick Morales, flimkien mal-preżentatur tar-radju vibefm Frank Zammit dalgħodu niedew 'SHout - vote no', diska b’vidjo preparata għall-kampanja Spring Hunting Out.

Id-diska, cover version ta’ 'Shout' mill-grupp mużikali Tears for Fears, tinkludi lirika li twassal il-messaġġ 'spring hunting we can do without, vote no' (kaċċa fir-rebbiegħa nistgħu noqgħodu mingħajra, ivvota le) bil-vuċi ta’ Gianni, Nick Morales u Alison Galea mill-Beangrowers. Il-perkussjonisti Renzo Spiteri u Benji Cachia minn nosnow/noalps ukoll ikkontribwew bil-mużika tagħhom.

Waqt avveniment dalgħodu fil-Belt Valletta, l-artisti ġew milqgħuha b’applawż, waqt li wrew għall-ewwel darba il-frott tax-xogħol ta’ produzzjoni tagħhom. Il-vidjow juri diversi xeni mill-produzzjoni, flimkien ma’ filmati użati mill-kampanja SHout u persunaġġi involuti fil-għajta biex tieqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Il-preżentatur ta’ Vibefm Frank Zammit intervista lill-artisti dwar l-involviment tagħhom fil-produzzjoni li tnediet illum.

Gianni Zammit, mużiċist u presentatur tar-radju qal, “Il-mużika hi ħajti, u dan għalija hu l-mod kif nista nikkontribwixxi għal dak li nemmen fih. Ħadna bażż nippreparaw din il-biċċa xogħol u nittamaw li naraw ħafna nies ixerrduha u jkantawha magħna. Kif ngħidu fid-diska "I'm talking to all of you, vote no!" kompla Gianni. 

Nick Morales kompla, “Nappoġġja bi sħiħ din il-kampanja biex naqtgħu l-kaċċa fir-rebbiegħa, u kburi li qed nagħti sehmi kif nista. Ilkoll flimkien nistgħu niksbu dan il-pass importanti biex nwaqqfu il-kaċċa fir-rebbiegħa”.

Il-perkussjonist Renzo Spiteri li ma setgħax jingħaqad mal-artisti fil-Belt Valletta, bagħat messaġġ fuq vidjo minn Għawdex: “Nħeġġeg  lil kulħadd jxerred din id-diska ħalli nwasslu lil kulħadd  dan il-messaġġ importanti. Dan hu mument kruċjali li fih ilkoll flimkien irridu ngħajtu Le għall-kaċċa fir-rebbiegħa .”

Id-diska tista tiġi mniżżla minn Soundcloud, waqt li l-vidjow qed jintwera fuq il-youtube channel tas-SHout.

More in Politika