Jitkellem whistleblower ieħor mal-whip tal-PN

It-tieni whistleblower jitkellem u joffri li jissustanzja l-akkużi fil-każ tal-allegat xogħol illegali għall-kostitwenti ta' Giovanna Debono

Il-kuntrattur Għawdxi li żvela kif ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono kien qed juża fondi ministerjali biex iħallas għal xogħlijiiet għall-kostitwenti, se jiġi formalment rikonoxxut bħala whistleblower, skont il-Whistleblowers' Act.

Issa, kuntrattur ieħor Għawdxi tkellem u offra li jikkonferma dawn l-allegazzjonijiet dwar xogħlijiet ta' kostruzzjoni mħallsa mill-fondi ministerjali, hekk kif ikkonfermat mill-ġurnal MaltaToday.

Dawn il-kuntratturi Għawdxin, li ismijiethom mhux jiġu ppublikati minħabba biża' li ssirilhom xi vendikazzjoni, qed jistennew li jiġu formalment u legalment rikonoxxuti bħala whistleblowers. Dan isir wara proċedura sħiħa li tiggarantixxi li huma mhux ser jiġu prosekutati jekk jghinu fl-investigazzjoni u joffru kull informazzjoni li għandhom dwar il-każ.

Il-ġurnal MaltaToday żvela f'ritratti, xi xogħlijiet li kienu qed isiru f'Għawdex u partijiet minn emails li l-ewwel kuntrattur kien bagħat lill-whip Nazzjonalista David Aguis.

Fl-email, il-whistleblower Għawdxi jsemmi tlett xogħlijiet importanti li saru u li ma tħallasx tagħhom għas-sindku tal-Għarb fl-istess lokalità qabel l-elezzjoni tal-2013.

"Għamilt xogħlijiet ta' skavazzjoni u għamilt bażi tal-konkrit għal ground tal-futbol fl-Għarb," kien qal lil Agius. Min-naħa tiegħu, Agius ċaħad li kien jaf b'dawn ix-xogħlijiet, li kienu qed jiġu ffinanzjati mill-ministeru.

“Biex ikun iktar popolari man-nies tal-Għarb, bnejt platform fuq l-entratura tal-wied," kompla jgħid lil Agius.

Il-whip Nazzjonalista, David Agius kien bagħat lura email fit-22 ta' Novembru, 2013 jgħid li se jinvestiga l-każ u jerġa' jikkuntatjah. Però, dan qatt ma reġa' kkuntatjah.

More in Politika