Il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, Affarijiet Interni u Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos ħa jżur is-sede tal-EASO f'Malta, il-Ħamis 26 ta' Marzu. Tul din il-laqgħa l-Kumissarju Avramopoulos u Dr Robert Visser ħa joħorġu x'kienu s-sejbiet minn żewġ azzjonijiet tal-EASO li qed isiru fil-qafas tat-Task Force Mediterranean - proġett pilota li permezz tiegħu qed tiġi miġbura informazzjoni minn Malta kif ukoll mill-Italja dwar il-faċilitazzjoni tal-immigranti rregolari, kif ukoll il-proġett pilota tal-EASO fuq l-ipproċessar konġunt ta' proċessi li għandhom x'jaqsmu mal-ażil.
Task Force Mediterranean tneda fl-2014, wara li nħass il-bżonn mill-Kummissjoni ta' miżuri aħjar biex jiġu indirizzati l-immigrazzjoni u l-ażil - sabiex ma jkunx hemm aktar imwiet ta' immigranti fil-Mediterran bħalma kienet ta' Lampedusa fl-istess sena. L-implimentazzjoni ta' din it-task force tara li l-pajjiż ta' oriġini kif ukoll ta' tranżitu jaħdmu aħjar flimkien, sabiex ikun hemm modijiet ġodda għal migrazzjoni legali, kif ukoll sabiex ikun hemm ġlieda kontra gruppi kriminali li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali.