Jien ma nnegozzjajtx id-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa - Saviour Balzan

Il-kampanja SHout f'konferenza stampa tindirizza allegazzjonijiet li seħħew kontriha

Saviour Balzan jindirizza konferenza stampa quddiem wieħed mill-billboards
Saviour Balzan jindirizza konferenza stampa quddiem wieħed mill-billboards

Quddiem billboard tal-kampanja tal-IVA, li fuqu hemm ritratt tiegħu, Saviour Balzan indirizza konferenza stampa fejn insista li la hu u lanqas ħadd ma nnegozzja l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa mal-UE - filwaqt li kkundanna l-kampanja tal-IVA għal attakk li saru fuqu personali.

"Dan il-billboard huwa attentat ieħor tal-kaċċaturi biex iqarrqu bil-pubbliku. Il-kampanja tal-IVA qed jgħidu li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija approvata mill-UE, u qed jgħidu li jien innegozzjajt din id-deroga. Dawn huma biss żewġ gidbiet. Dan il-billboard huwa gidba.” sostna Saviour Balzan, kelliem għall-kampanja SHout. “Malta qatt ma nnegozzjat dritt li jkun hemm deroga dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-liġi tagħti l-possibbiltà li tidderoga, imma kull deroga hi suġġetta għal skrutinju kbir,” żied jgħid.


Il-Kummissjoni Ewropea intervjeniet fil-każ ta' Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-2009, meta Malta ingħatat deroga fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa. Malta wara nstabet ħatja talli kisret liġi tal-UE u ‘falliet milli tipprovdi protezzjoni adekwata għall-għasafar.’


Saviour Balzan saħaq li l-attakki li saru fuqu personali huma maħmuġa. “Huwa ċar li l-kampanja tal-IVA m’għandhom l-ebda argument veru. L-unika argument huwa li jridu jkompli joqtlu l-għasafar fir-rebbiegħa. Dan ma jistgħux jgħiduh allura, jaqgħu fil-livell li jitfgħu t-tajn lejn ħaddieħor" sostna.

Huwa temm jgħid li "Id-dħul ta’ Malta fl-Ewropa u sehmi fiha seħħet 13-il sena ilu. Hemm bżonn li jħalluh il-passat, u jħarsu lejn il-futur. L-aħjar futur għal Malta huwa dak mingħajr kaċċa fir-rebbiegħa", filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku joħroġ jivvota LE fir-referendum tal-11 ta' April li ġej.
 

More in Politika