Malta pprogressat f'kollox, ħlief dwar il-kaċċa tar-rebbiegħa - Balzan

F'dibattitu, Mark Bonello min-naħa tal-IVA jgħid li l-kaċċa sostenibbli u li l-illegalitajiet tal-kaċċa naqsu

"Malta pprogressat f'kollox, ħlief fuq il-kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-kaċċaturi jħossu li jistgħu jżommu l-arloġġ milli jdur, u jkollhom kontroll komplet tal-kampanja Maltija." Dan qalu Saviour Balzan, kelliem għall-kampanja SHout, f'dibattitu li sar illum fl-MCAST f'Raħal Ġdid, fejn sostna li l-kaċċa fir-rebbiegħa mhix sostenibbli - "Aħna pajjiż żgħir, il-kampanja qed tonqos, u Malta għandha l-akbar konċentrazzjoni ta' kaċċaturi fid-dinja"

Balzan xejjen kull akkuża tal-kampanja tal-IVA, li jekk ir-referendum jintrebaħ mill-kampanja tal-LE, dan jaf iwassal għall-referenda oħra dwar passatempi oħra. "Ir-referendum huwa dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, iżda minkejja dan il-kampanja tal-IVA qed tbeżża' lin-nies li issa jmiss is-sajd u l-logħob tan-nar."

Min-naħa l-oħra il-kelliem għall-kampanja tal-IVA, Mark Bonello qal li l-kwistjonijiet kurrenti dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa malajr jistgħu jiġu applikati għall-passatempi oħra - "is-sajd jinvolvi l-qtil tal-ħut, il-logħob bin-nar meqjusin inutli minn ċertu nies. Din hi kampanja pożittiva - ma rridux naraw lill-ħaddieħor isofri fil-futur bħalma qed insofru aħna issa." Bonello kompla jgħid li l-kaċċaturi għenu sabiex jinżergħu s-siġar, iżommu l-kampanja nadifa u sabiex jinbnew ħitan tas-sejjiegħ.

Balzan fakkar li Malta l-unika pajjiż li fih tista' ssir kaċċa fuq il-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa - fejn Bonello wieġeb li pajjiżi differenti japplikaw derogi differenti skont il-bżonn. Bonello qal ukoll li l-illegalitajiet naqsu aktar ma għaddew is-snin, u li dawk li ma jikkaċċjawx għandhom ħafna opportunitajiet biex igawdu l-kampanja fir-rebbiegħa, meta l-istaġun tal-kaċċa jkun magħluq.

Balzan ikkritika lill-kaċċaturi għall-insulti frekwenti, theddid kif ukoll atti ta' vjolenza - u wkoll talli jisħqu li art pubblika hija propertà privata.

Għall-mistoqsija ta' student tal-MCAST, li staqsa għaliex il-Vot 16 ingħata għall-Kunsilli Lokali iżda mhux għar-referendum, Balzan wieġeb li dawk ta' sittax-il sena għandhom jitħallew jivvutaw, filwaqt li Bonello qal li "l-liġi hi li hi - pereżempju, fir-Renju Unit tfal ta' sitt snin jistgħu jmorru għall-kaċċa."

 

More in Politika