F'dikjarazzjoni għall-istampa, studenti mill-MCAST qalu li dak li nħareġ fuq il-mezzi tax-xandir tul dawn il-jumejn, li l-istudenti tal-MCAST huma favur il-kaċċa tar-rebbiegħa huwa qarrieqi u bbażat fuq informazzjoni żbaljata. Dawn l-istudenti jattendu l-istitut tax-xjenzi applikati fl-MCAST, u qalu li qatt ma saret xi tip ta' konsultazzjoni sabiex tinħareġ din l-opinjoni. L-opinjoni li nħarġet kienet biss l-opinjoni ta' tnejn mill-membri tal-Kunsill tal-Istudenti.
F'din l-istess dikjarazzjoni, l-istudenti qalu li il-Kunsill Studenti MCAST qatt ma għamlu xi tip ta' sondaġġ - fejn is-sondaġġ li ssemma' kien poll fuq l-internet. "Ma kien hemm l-ebda kontroll fuq min jivvota, jew kemm-il darba jistgħu jivvutaw n-nies. Li tgħid li dan il-poll jirreffletti l-opinjoni tal-istudenti tal-MCAST huwa rresponsabbli, qarrieqi u gidba enormi." Dawn l-istess studenti qalu li huma "diżappuntati li żewġ membri tal-KSM tefgħu lill-istudenti tal-MCAST f'dawl ikrah billi jgħidu li l-opinjoni tagħhom tirrefletti l-opinjoni tal-MCAST kollu - ibbażat fuq poll fuq l-internet."
Dawn l-istudenti talbu liż-żewġ membri tal-KSM sabiex "jirrappreżentaw l-istudenti b'mod professjonali, jew tal-anqas jikkonsultaw l-bqija tal-kunsill qabel jagħmlu dikjarazzjonijiet li suppost jirriflettu l-opinjoni tal-istudenti."